L-Uffiċċju tal-MEP Alfred Sant organizza konferenza fil-Parlament Ewropew dwar il-finanzi deċentralizzati, id-data miftuħa, u l-opportunitajiet li dawn iġibu għall-konsumaturi. Fl-isfond tal-Att dwar id-Data u l-Istrateġija tal-Finanzi Diġitali, l-avveniment iddiskuta l-approċċ iċċentrat fuq il-konsumatur għas-sikurezza u l-innovazzjoni tad-data. Il-konferenza ffukkat l-aktar fuq il-mistoqsija: X'inhuma l-benefiċċji potenzjali ta' approċċ iċċentrat fuq il-konsumatur fuq il-finanzjament miftuħ?
Il-MEP Laburista spjega li l-finanzi deċentralizzati jippermettu l-kondiviżjoni tad-data u l-aċċess lill-partijiet terzi għal firxa wiesgħa ta’ setturi u prodotti finanzjarji, f’konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u l-protezzjoni tal-konsumatur. Dan jipprovdi pussess sħiħ u kontroll tad-data tal-konsumaturi.
Alfred Sant innota li fil-kuntest tal-Istrateġija tal-Finanzi Diġitali, il-Kummissjoni Ewropea li diġà wettqet konsultazzjoni mmirata fuq il-qafas tal-finanzi deċentralizzati u l-qsim tad-data fis-settur finanzjarju, tista’ sseħħ permezz ta’ proposta leġiżlattiva dwar dan is-suġġett fl-aħħar ta’ din is-sena.
Intant Mathias Levin - Deputat Kap tal-Unità tal-Finanzi Diġitali fil-Kummissjoni Ewropea - irrimarka li minkejja li qed jiżdied l-apprezzament tal-benefiċċji li jistgħu jġibu l-finanzi deċentralizzati, għad hemm problema ta’ fiduċja fost xi konsumaturi filwaqt li oħrajn mhumiex daqshekk ċari dwar x’jistgħu jkunu l-vantaġġi tagħha.
Dwar dan tal-aħħar, Martin Elinemo – Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Insurely u Martijn Vilegenthat mill-European Fintech iddeskrivew kif iqisu l-finanzi deċentralizzati bħala għodda li tagħti s-setgħa lill-konsumatur biex jagħżel b’mod dirett u intelliġenti minn fost l-għażliet tal-assigurazzjoni li huma disponibbli għalih. Il-konsumatur ikollu aċċess sħiħ u faċli għad-data li hija rilevanti għall-interessi tiegħu/tagħha.
Madanakollu Agustin Reyna – Uffiċjal tas-Servizzi Finanzjarji fl-Organizzazzjoni Ewropea tal-Konsumatur (BEUC) - emfasizza li għalkemm kien hemm vantaġġi għall-użu tal-finanzi deċentralizzagti, għad hemm diversi punti li l-konsumaturi għadhom bżonn aktar ċarezza dwarhom u li kwistjonijiet ta’ privatezza u kontroll fuq id-data għadhom mhumiex solvuti.
Alfred Sant temm il-konferenza billi semma kif is-suġġett inġenerali għadu meqjus bħala wieħed ġdid ħafna għall-Parlament Ewropew u se jkun segwit dejjem aktar mill-qrib hekk kif il-Kummissjoni Ewropea tħejji l-proposta leġiżlattiva tagħha dwar is-suġġett li se jsir dejjem aktar importanti fis-snin li ġejjin.
L-għanijiet tal-konferenza kienu tnejn. L-ewwel nett, biex dan is-suġġett jiġi trattat fil-Parlament Ewropew. It-tieni, li sservi bħala pjattaforma li minnha jista’ jiġi introdott finanzjament deċentralizzat.