Il-Prim Ministru Robert Abela żar żewġ proġetti li qed jiġu implimentati b’investiment miljunarju u li se jkomplu jwasslu għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji. Wieħed mill-investimenti li żar il-prim ministru kien l-iskola primarja tan-Nadur fejn bħalissa għaddej proġett ta’ tisbiħ estensiv. Dan il-proġett qed jsir b’investiment ta’ €6 miljun kofinanzjat minn fondi Ewropej, u għandu jitlesta matul din is-sena. Din l-iskola primarja għandha popolazzjoni ta’ madwar 200 student kif ukoll madwar 30 edukatur.
Waqt iż-żjara, Abela sostna li uliedna għandu jkollhom l-aqwa edukazzjoni f’ambjent edukattiv modern, aċċessibbli u sigur. Għaldaqstant fakkar kif għaddejja ħidma mill-Gvern sabiex l-iskejjel jiġu aġġornati maż-żminijiet tal-lum u dan huwa wieħed mill-proġetti li ser iwassal għal spazju edukattiv li se jkun modern, aċċessibbli u sabiħ għat-tfal. Bħala parti mill-proġett se jiġu installati servizzi ġodda, bħal dawl, ilma, drenaġġ, CCTV, konnessjoni tal-internet u servizzi ta’ fire safety.
Apparti t-tisbiħ tal-iskola minn ġewwa u minn barra, il-proġett se jinkludi d-disinn mill-ġdid tal-ispazji miftuħa u rikreattivi, kif ukoll il-ħolqien ta’ spazji ġodda għat-tagħlim ta’ suġġetti extrakurrikulari, fosthom dance studio, music room, theatre studio, u klassijiet għall-arti. Il-proġett se jindirizza wkoll l-aċċessibbiltà fil-binja, bħall-installazzjoni ta’ lift ġdid. Waqt iż-żjara, il-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.
Abela żar ukoll investiment kbir fl-isport fejn għall-ewwel darba Għawdex se jkollu kumpless akwatiku u sportiv, fiċ-ċentru tal-gżira.
Huwa sostna li l-isport għandu jkun parti integrali mill-ħajja tan-nies u dan il-proġett se joffri lill-atleti Għawdxin u oħrajn kumpless akwatiku u sportiv tal-ogħla livell fejn jistgħu jipprattikaw id-dixxiplina sportiva tagħhom. Il-proġett taċ-Ċentru Akwatiku u Sportiv, li wasal fi stadju avvanzat, jinvolvi l-bini ta’ pixxina ta’ daqs olimpiku u numru ta’ faċilitajiet ġodda fosthom għall-ġinnastika, basketball u faċilitajiet oħra fejn jista’ jintlagħab sport ieħor fuq ġewwa.
Iċ-ċentru sportiv se jkun mgħammar ukoll b’faċilitajiet tal-aqwa livell għal kull min jagħmel użu minnu, fosthom bi kmamar tal-ewwel għajnuna. Il-kumpless sportiv se jwassal ukoll għal aktar tkabbir ekonomiku f’Għawdex, hekk kif se joħloq niċeċ ekonomiċi ġodda billi jattira atleti u gruppi professjonali barranin sabiex jagħmlu użu minn dan il-kumpless ġdid f’Għawdex.