'Hemm bżonn regolamentazzjoni ċara fi proġetti bi sħubija mal-privat' - ADPD
Carmel Cacopardo jisħaq li l-proġett tal-VGH huwa "każ klassiku ta’ governanza ħażina, frodi u suspetti fondati ta’ korruzzjoni"
minn Albert Gauci Cunningham
"Il-mod li bih ġew implimentati uħud mill-proġetti ta’ sħubija mal-privat sal-lum serva biex jitnisslu dubji serji dwar frodi u korruzzjoni. Għalhekk hemm bżonn regolamentazzjoni ċara u applikazzjoni konsistenti tar-regoli biex tkun assigurata governanza tajba f’proġetti ta’ dan it-tip." Hekk insista ċ-Chairperson ta’ ADPD - The Green Party, Carmel Cacopardo meta indirizza konferenza tal-aħbarijiet mad-Deputat Chairperson Sandra Gauci dwar l-eżitu mill-kawża tal-konċessjoni tal-Gvern dwar l-isptarijiet pubbliċi.
Id-Deputat Chairperson ta’ ADPD - The Green Party Sandra Gauci qalet li jekk kien hemm każ ċar ta’ fejn il-ħmar qiegħed jipprova jwaħħal f’denbu kien l-eżitu mill-kawża tal-konċessjoni tal-isptarijiet u sostniet illi filwaqt li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal li kien il-Kabinett li iddeċieda, l-eks Ministru Evarist Bartolo qal li l-Kabinett "tħalla fil-għama."
Għalhekk sostniet li l-eks PM Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Chris Cardona u Keith Schembri "għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa."
Gauci irreferiet għar-rapport fil-media lokali xi xhur ilu li kien juri li saru pagamenti sostanzjali lil Joseph Muscat minn kumpanija barranija viċin ta’ Steward Health Care. Hija qalet li l-ispjegazzjoni li ngħatat li din kienet frott ta’ konsulenza wara li hu spiċċa mill-kariga ta’ Prim Ministru mhix waħda kredibbli. "Pagamenti ta’ din ix-xorta għandhom ikunu investigati bir-reqqa għax jistgħu jitfgħu dawl sostanzjali fuq dak li verament għaddej," kompliet tisħaq Gauci.
Hija appellat biex kemm l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg kif ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà jagħmlu xogħolhom u jieħdu azzjoni fejn huwa ċar li hemm min għandu l-interessi ta’ butu l-ewwel qabel dawk tal-pajjiż. B’dak li ħareġ mill-qrati tagħna l-ġimgħa l-oħra għandhom iktar minn biżżejjed informazzjoni biex jieħdu l-azzjoni neċessarja. X’qegħdin jistennew?" staqsiet Gauci.
Intant Cacopardo qal li dan il-ftehim kien każ klassiku ta’ governanza ħażina, frodi u suspetti fondati ta’ korruzzjoni u fakkar fil-konklużjonijiet ta’ żewġ rapporti tal-Awditur Ġenerali fl-2020 u l-2021.
Huwa fakkar li l-Awditur Ġenerali kien saħansitra żvela kif qabel ma ħarġet is-sejħa għal proposti dwar il-konċessjoni, il-Vitals Global Healthcare diġa kellhom lesta garanzija bankarja datata qabel ma biss ġiet ippubblikata is-sejħa. "Din hija evidenza mill-iktar ċara ta’ ftehim minn qabel u bil-moħbi ma din il-kumpanija. L-Awditur Ġenerali ma kienx qagħad jogħmodha meta qal li l-Vitals Global Healthcare misshom lanqas biss ġew ikkunsidrati u kellhom ikunu skwalifikati u s-sottomissjonijiet tagħhom injorati."
Cacopardo qal li filwaqt li hemm dan kollu wieħed ma jistax jinjora l-prinċipji fundamentali u jistaqsi jekk dawn it-tip ta’ konċessjonijiet ta’ sħubija bejn il-privat u l-Gvern jagħmlux sens f’qasam sensittiv bħalma huwa dak tas-saħħa.
"Kellna diversi proġetti b’tisħib simili mal-privat li dwarhom tqajmu suspetti fondati ta’ frodi u korruzzjoni: Apparti dan il-każ tal-isptarijiet hemm dak tal-Power Station ta’ Delimara u r-residenza ta’ San Vinċenz de Paul f’Ħal Luqa li dwarhom ukoll hemm rapporti voluminużi bl-investigazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali."
Cacopardo sostna li dan huwa mudell ekonomiku tħaddem b’mod abbużiv u b’użu tas-settur privat bħala paraventu.
"Jekk irridu li s-settur privat jissieħeb u jikkontribbwixxi b’mod validu fi proġetti pubbliċi hemm bżonn li jkun hemm regolamentazzjoni ċara ta’ dawn it-tip ta’proġetti u applikazzjoni konsistenti tar-regoli biex tkun assigurata governanza tajba tul il-proċess kollu," temm jgħid Carmel Cacopardo.