“Ma nistgħux nibqgħu siekta fil-konfront ta’ allegazzjonijiet daqstant gravi, speċjalment meta qed naraw l-istorja tirrepeti lilha nnifisha”, qal l-Ewroparlamentari Laburista Cyrus Engerer wara r-rivelazzjonijiet maħruġa l-Ħadd li għadda mill-ġurnal Maltatoday dwar kif kumpanija tal-ajru privata qiegħda tassisti fit-traffikar tal-bnedmin mill-Bangladesh għall-Ewropa, tramite l-Libja.
Maltatoday żvelat kif gruppi kriminali qed jużaw titjiriet chartered operati minn Cham Wings bejn id-Damasku u Bengażi biex idaħħlu n-nies mill-Bangladexx u s-Sirja fil-Libja. Mil-Libja dawn l-istess nies qed jiġu assenjati dgħajjes għall-qsim perikoluż tal-baħar lejn l-Ewropa.
“Tlabt lill-Kummissjoni Ewropea biex b’mod immedjat u uffiċċjali tagħti spjegazzjoni ta’ x’qiegħda tagħmel dwar Cham Wings, li fil-passat kienu suġġetti għal blacklisting mill-Unjoni Ewropea u li eventwalment tneħħew minn din il-blacklist, waqt li teżisti intelliġenza li għadhom qegħdin joperaw viċin ma’ gruppi kriminali tat-traffikar tal-immigranti”, qal Engerer. Fl-istess ħin, informazzjoni tal-Frontex qed tikkonferma li n-numru ta’ persuni mill-Bangaldexx li qegħdin jaqsmu lejn l-Ewropa mil-Libja żdid sproporzjonalment, u li llum huma fost it-tielet mill-aktar gruppi li qed jaqsmu b’mod irregolari mil-Libja lejn l-Ewropa.
“Dawn in-numri flimkien mad-distanza ġeografika mill-Bangladexx sal-Libja, minn fejn iċ-ċittadini tal-Bangladexx qed jitilqu biex jaslu fl-Unjoni Ewropea, jindikaw li hemm netwerk estensiv ta' traffikar tal-bniedem fis-seħħ. Ir-Rapporti tal-FRONTEX jenfasizzaw ukoll din il-frekwenza, b’żieda ta’ 51 % fil-wasliet irregolari madwar ir-rotta ċentrali tal-Mediterran fl-2022 meta mqabbla mal-2021”, speċifika Engerer fil-mistoqsija lill-Kummissjoni Ewropea.
“Staqsejt lill-Kummissjoni Ewropea x’azzjoni qed tieħu fil-konfront ta’ Cham Wings u jekk tafx liem huma dawk il-gruppi kriminali li qed jaħdmu ma’ din il-linja tal-ajru”, sostna Engerer filwaqt li qal li din mhux l-ewwel darba li l-Kummissjoni Ewropea ġiet mistqosija dawn il-mistoqsijiet, wara li l-ġurnal Maltatoday spjega kif il-Gvern Malti permezz tal-Ministru Byron Camilleri talab lill-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni fir-rigward ta’ Cham Wings, liem azzjoni jidher li ma ttieħditx minn naħa tal-Kummissjoni Ewropea, fejn baqa’ kollox business as usual.
“Għal din ir-raġuni ħassejt li kelli nitkeb lill-Kummissjoni Ewropea b’mistoqsijiet iebsin li hija obligata tagħti tweġiba bil-miktub għalihom fi żmien tliett ġimgħat”, qal Engerer.