Malta qed tħares ‘il quddiem li taħdem ma’ Spanja, li se tassumi l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew f’Lulju li ġej, biex taħdem mill-qrib dwar leġiżlazzjonijiet importanti li anki qed taħdem fuqhom il-Kummissjoni Ewropea marbuta mas-suq intern tal-Unjoni Ewropea fosthom fejn jidħol l-aċċess għall-mediċini u t-trasport.
Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela waqt indirizz lill-ġurnalisti li ngħata fil-Berġa ta’ Kastilja flimkien mal-Prim Ministru Spanjol Pedro Sánchez. Il-Prim Ministru Sánchez qed iżur Malta fost diversi stati membri tal-Unjoni Ewropea bi tħejjija għall-Presidenza tal-Kunsill Ewropew.
Abela rrimarka li huwa kruċjali li fil-qasam tal-farmaċewtika jkun hemm aċċess għall-mediċini għall-istati membri kollha, inkluż għal pajjiżi bħal Malta u dan qabel l-interessi ta’ korporazzjonijiet kbar. “Ma jistax ikun li tletin sena wara li ġie stabbilit is-suq intern, għad hemm ċirkostanzi fejn ċerti pajjiżi jibqgħu żvantaġġjati. Lilna se ssibna ta’ spalla u lesti biex nikkontribwixxu b’mod attiv ħafna f’din id-diskussjoni.”
Abela żied jgħid li ċittadini f’pajjiżi fil-periferija tal-Unjoni Ewropea jixirqilhom l-istess aċċess għall-prodotti fis-suq uniku bħal ċittadini oħra li jgħixu fil-qalba tal-Ewropa u nnota li dan japplika wkoll għas-settur tat-trasport fejn pajjiż ma għandux jiġi kkastigat minħabba l-qagħda ġeografika tiegħu.
Dwar il-qasam tal-enerġija, il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza l-importanza li nibqgħu ngħinu lin-nies, iżda saħaq fuq il-ħtieġa ta’ riformi importanti li jindirizzaw il-miri klimatiċi fejn l-operat tal-ekonomiji tagħna jkun iżjed nadif u ambjentali. Hawnhekk żied jgħid kif il-Gvern Malti ma jemminx fl-awsterità iżda f’politika tal-inċentiv favur qalbiet ħodor u diġitali.
Il-Prim Ministru Abela rrimarka li d-dixxiplina fiskali tibqa’ importanti, iżda qabel l-indikaturi ekonomiċi, jeħtieġ inpoġġu lin-nies. “In-nies mhux numri. In-nies jistħoqilhom jgħixu kwalità ta’ ħajja tajba,” qal il-Prim Ministru hu u jisħaq dwar flessibbiltà għall-miri ekonomiċi. Qal ukoll li jħares ‘il quddiem ukoll li waqt il-Presidenza Spanjola, leġiżlazzjonijiet importanti li anke qed taħdem fuqhom il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli, jingħataw spinta. Il-Prim Ministru nnota kif Malta u Spanja jgħożżu l-valur komuni tal-ugwaljanza u dan huwa suġġett li jagħmel differenza għall-aħjar f’ħajjet nies differenti.
Fl-indirizz tiegħu lill-ġurnalisti, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif Malta u Spanja bħala żewġ pajjiżi Mediterranji huma vuċi b’saħħitha favur il-paċi quddiem il-gwerra fl-Ukrajna u sfidi li jġibu realtajiet iebsa bħal fis-Sirja u l-Libja fost oħrajn. “L-iktar ħaġa li jeħtieġu l-popli tagħna wara pandemija hija l-paċi biex jgħixu u jippjanaw il-futur tagħhom f’serenità,” stqarr il-Prim Ministru Abela, hu u jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ aktar opportunitajiet kummerċjali anki fost oħrajn mal-Amerka Latina.
Huwa temm jawgura lill-Prim Ministru Spanjol għall-Presidenza tal-Kunsill Ewropew u qal li jħares ‘il quddiem li jerġa’ jilqgħu f’pajjiżna aktar tard din is-sena fis-Summit tal-MED 9, fejn mexxejja tal-istati membri fin-Nofsinhar tal-Ewropa jiddiskutu temi kurrenti.