Imnedija emendi fil-liġi tar-regolarizzazzjoni tal-bini
L-Awtorità tal-Ippjanar għamlet dan bil-għan li aktar familji jingħataw serħan il-moħħ meta jiġu biex ibigħu jew jisselfu fuq id-dar tagħhom
More in Politika
L-Awtorità tal-Ippjanar għamlet dan bil-għan li aktar familji jingħataw serħan il-moħħ meta jiġu biex ibigħu jew jisselfu fuq id-dar tagħhom
L-Awtorità tal-Ippjanar (PA) irrevediet l-iskema ta’ regolarizzazzjoni tal-bini. Dan sar bil-għan biex iktar familji jingħataw serħan il-moħħ meta jiġu biex ibigħu jew jisselfu fuq id-dar tagħhom.
Il-proċedura għar-Regolarizzazzjoni tal-bini hija ntiża sabiex dawk li darhom jew proprjetà tagħhom ma jkunux konformi għal kollox mal-liġi minħabba xi nuqqasijiet żgħar u li mhumiex skont il-policies tal-PA – jista' jkollhom permess maħruġ - sakemm tali xogħol illegali jkun seħħ qabel l-2016.
Filwaqt li min għandu parti mill-propjeta’ tiegħu barra ż-żona ta' żvilupp jaf jikkwalifika, ma jikkwalifikax jekk il-propjetà kollha hija ‘l barra miż-żona tal-iżvilupp jew bla permess.
Din mhux l-ewwel darba illi l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet miżuri sabiex tindirizza bini b’dawn in-nuqqasijiet – u issa qiegħda wkoll tinkludi propjetà li tinsab kompletament f'Settlement Rurali ta' Kategorija 1 u dawk il-proprjetajiet li jinsabu fiż-żona tal-iżvilupp u li għandhom parti mis-sit tagħhom taqa' ‘l barra miż-żona tal-iżvilupp fejn dawn issa jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati għar-regolarizzazzjoni.
Il-bini u propjetà li tiġi regolarizzata huma suġġetti għall-ħlas lil-Awtorita tal-Ippjanar. Kull talba għall-Regolarizzazjoni tal-Bini tista’ tiġi milqugħa jew irrifjutata – u m’għandha b’ebda mod taffettwa d-drittijiet ta’ terzi.
Hemm eluf ta’ familji u individwi li jibbenefikaw minn din il-proċedura diġà, fosthom dawk li wirtu, xtraw, jew għandhom proprjetà li ilha għandhom fejn hemm xi ksur ċkejken tar-regolamenti tal-bini. Tajjeb li ngħidu li biss, biss, sas-sena 2022, l-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet aktar minn 19,500 applikazzjoni għal tali regolarizzazzjonijiet fil-passat.
Intant, tajjeb li wieħed ikun jaf li l-pagamenti mħallsa permezz ta’ dan il-proċess ta’ Regolarizzazjoni, l-Awtorità tinvestihom fi skemi ta’ restawr kif ukoll parti mill-flus imorru fid-Development Planning fund biex b’hekk l-Awtorità tkun tista tgħin lil kunsilli Lokali u NGOs sabiex jkomplu ssebbħu l-ibliet Maltin u Għawdxin .
Għal aktar tagħrif dwar l-emendi ġodda fil-liġi tar-regolarizzazjoni tal-bini, l-Awtorità tal-Ippjanar tistieden lill-pubbliku sabiex ikellmu perit ta’ fiduċja tagħhom.