'Robert... Bla qalb. Imissek tistħi!' - Arnold Cassola

Abela ikkritikat bil-kbir dwar kunċert li sar ftit sigħat wara l-vot tal-mozzjoni dwar Inkjesta Pubblika, fil-każ ta' Jean Paul Sofia

Ritratt li ippubblika Arnold Cassola fuq il-midja soċjali
Ritratt li ippubblika Arnold Cassola fuq il-midja soċjali

Tliet sigħat wara li l-Gvern ivvota kontra l-mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni, bil-għan li ssir Inkjesta Pubblika dwar il-każ ta' Jean Paul Sofia, ir-residenza uffiċċjali tal-Prim Ministru fil-Girgenti intużat għal kunċert.Filwaqt li dan l-avveniment ġie organizzat mill-mara tal-Prim Ministru Lydia Abela, diversi persuni jinsabu irrabjati bil-kbir dwar l-attendenza tal-Prim Ministru Abela, meta ftit sigħat qabel kien affaċċjat minn ġenituri mbikkma u b'qalbhom maqsuma. 

Dan il-kunċert, imżewwaq bil-mużika tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, ġie organizzat bil-għan li jinġabar il-flus għall-annimali. Minkejja li f'ċirkostanzi ordinarji dan it-tip ta' avveniment huwa meqjus bħala ġest nobbli, dan ma ntlaqa' xejn tajjeb. Dan proprju minħabba l-fatt li ftit sigħat qabel il-Gvern oppona li ssir inkjesta pubblika dwar il-mewt ta' Sofia, liema inkjesta l-ġenituri, ħbieb u qraba taż-żagħżugħ Sofia ilhom tant jitkarrbu għaliha. 

Fost il-baraxx ta' kritika, il-kandidat Indipendenti Arnold Cassola qal illi Robert Abela jmissu jistħi. "Robert... Bla qalb. Jiddevertu bl-Orkestra ma' ta' Love Island fil-proprjetà tal-Istat, il-Girgenti. Arroganti u insensittiv." Cassola ressaq ilment lill-Kummissarju tal-Istandards dwar l-avveniment "immorali u mhux etiku." 

Intant fi stqarrija, l-uffiċċju tal-Prim Ministru qal li l-attività 'A Night at the Palace' kienet attività kulturali li ilha skedata diversi xhur u mħabbra aktar kmieni dan ix-xahar. "Il-pubbliku seta' jattendi għal din l-attività mingħajr ħlas u minflok seta' jagħti donazzjoni b'risq għaqdiet li jaħdmu favur il-ħarsien tal-annimali." 

More in Politika