Il-Maġistrat Marseanne Farrugia infurmat lil Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg illi se testendi t-terminu tal-Inkjesta Maġisterjali b'rabta mal-mewt ta' Jean Paul Sofia, b'60 jum. Għaldaqstant, din hija t-tieni darba li Farrugia ċaħdet it-talbiet ta' Abela biex tiġi konkluża din l-inkjesta.
Dan ġie irrapportat mill-gazzetta oħt tal-ILLUM, MaltaToday fid-dawl ta' tensjoni kbira marbuta ma' dan il-każ. B'mod ġenerali f'każ ta' inkjesta, l-Maġistrat huwa mitlub li jikkonkludi fi żmien 60 jum iżda jista' jestendi t-terminu billi jinforma lill-Avukat Ġenerali.
Intant sorsi ta' MaltaToday qalu li din l-estensjoni qajmet l-irwiefen f'Kastilja hekk kif Abela talab għal laqgħa b'urġenza mal-Grupp Parlamentari.
Fil-każ ta' Sofia, l-inkjesta ilha li nfetħet seba' xhur, fil-fatt il-Prim Ministru Robert Abela kiteb lill-Prim Imħallef Dr Mark Chetcuti nhar il-Ħamis li għadda fejn talab biex din "l-inkjesta tingħalaq malajr, għaliex dan id-dewmien hu inaċċettabbli." Dan wara l-ittra inizjali f'April li għadda fejn talab biex din tiġi konkluża.
Infakkru li filwaqt li Abela qiegħed jitlob biex dan il-proċess jintemm minnufih, "biex kull min kien responsabbli għall-akkadut iwieġeb għal għemilu", fl-aħħar jiem kien affaċċjat b'baraxx ta' kritika minħabba r-rifjut Parlamentari għal Inkjesta Pubblika.
Intant illejla se ssir velja għall-Jean Paul, organizzatha minn ommu Isabelle Bonnici. Din il-velja se ssir quddiem Kastilja fit-8p.m.