F’stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, tħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jitniedi l-proċess sabiex jiġu implimentati emendi fil-liġijiet tal-ippjanar li jassiguraw li Ħondoq ir-Rummien ma jiġix żviluppat. “Dan hu l-pass li jmiss fil-ġlieda għall-ħarsien ta’ Ħondoq ir-Rummien,” kien il-messaġġ li wassal Robert Abela waqt żjara fuq il-post.
Abela spjega li dawn l-emendi se jdawwru lura l-arloġġ għal qabel “dak li qatt ma messu sar”, b’referenza għall-bidla fil-pjan lokali li saret fl-2006. “Id-direzzjoni li issa qed jagħti l-gvern hija bidla oħra importanti li tippriserva l-gżira Għawdxija.”
Hu nnota li għalkemm kull applikazzjoni għal żvilupp fiż-żona li dehret quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar mill-2013 il-quddiem ġiet miċħuda, attwalment xejn ma qed iwaqqaf li titħol applikazzjoni ġdida.
Qal ukoll li, “prinċipju ewlieni f’ħidmet dan il-gvern kien dejjem wieħed konsistenti kontra żvilupp f’Ħondoq ir-Rummien.”
Abela rringrazzja b’mod partikolari lis-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg, talli dejjem kien voċiferu u dejjem ħadem kontra żvilupp fiż-żona.
.