Rilokazzjoni ta’ 32 immigrant irregolari

B'hekk, it-total għal din is-sena tela' għal 104

(ritratt: MHSR)
(ritratt: MHSR)

Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza ħabbar ir-rilokazzjoni ta’ 32 immigrant li waslu Malta b’mod irregolari. B’hekk, it-total t’immigranti irregolari li ġew rilokati din is-sena tela’ għal 104.

Dan apparti dawk li t-talba għall-protezzjoni internazzjonali tagħhom tkun miċħuda u allura jintbagħtu lura lejn il-pajjiż tal-oriġini.

Ir-rilokazzjoni saret bħala parti mill-Mekkaniżmu ta’ Solidarjetà Volontarja, maħsub sabiex jitnaqqas il-piż tal-immigrazzjoni irregolari minn fuq pajjiżi tal-fruntiera. Din involviet l-assistenza ta’ bosta entitajiet fl-oqsma tas- sigurtà, flimkien mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Immigrazzjoni (IOM) u l-Aġenzjia tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA). L-ispejjes kien ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea.

 Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri stqarr li, “ir-rilokazzjoni hija l-iktar mezz effettiv kif pajjiżi oħra Ewropej u l-Unjoni Ewropea jistgħu jnaqqsu l-piż tal-immigrazzjoni irregolari minn fuq il-pajjiżi tal-fruntiera, speċjalment fil-każ ta’ Malta, minħabba d-daqs u l-pożizzjoni ġeografika tagħha. Permezz tal-istrateġija tagħha ta’ prevenzjoni, ritorn u rilokazzjoni, fl-ewwel nofs tal-2023 Malta rnexxielha tnaqqas il-wasliet u tirritorna u tirriloka l-istess ammont ta’ immigranti daqs kemm waslu mill-bidu tas-sena.”

Huwa żied li, “dan filwaqt li l-gvern qed ikompli jaħdem bis-sħiħ fuq prevenzjoni, inkluż b’koperazzjoni mal-Libja, sabiex tnaqqas il-possibbiltà ta’ mwiet u sussegwentement waslet għal tnaqqis konsiderevoli ta’ wasliet irregolari, u r-ritorn ta’ persuni li ma jkunux jeħtieġu protezzjoni f’Malta. Din il-ħidma qed tiġi riflessa fiċ-ċifri ta’ dawn l-aħħar sentejn fejn in-numri ta’ immigranti irregolari li ġew ritornati lejn pajjiżhom żdied filwaqt li n-numru ta’ wasliet naqas sostanzjalment.”

 

 

 

More in Politika