Il-Partit Nazzjonalista stqarr li s-silenzju tal-Prim Ministru Robert Abela dwar każ ta' frodi kbir li ġie żvelat ftit jiem ilu huwa inkwetanti, b'mod speċjali meta wieħed jiftakar li dan l-iskandlu jimplika persuni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
L-iskandlu li nkixef il-Ħadd li għadda jinvolvi falsifikazzjoni ta' ċertifikati u dokumenti oħra sabiex persuni jingħataw benefiċċju tad-diżabilità mingħajr ma jkollhom ebda diżabilità. Hawn kien ġie żvelat li mijiet ta' persuni ngħataw dan il-benefiċċju u kollha kemm huma għamlu dan wara li ġew referuti għand l-eks deputat Laburista Silvio Grixti.
Hawn ġew implikati wkoll numru ta' persuni oħra, fosthom persuni li jaħdmu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u anke l-Ministru Owen Bonnici, li ċaħad dawn l-akkużi.
Il-Partit Nazzjonalista nnota li wara 48 siegħa, il-Prim Ministru għadu ma deher imkien u ma ħa ebda azzjoni.
Għalhekk, il-PN appella għal investigazzjoni minnufih biex il-verità kollha tkun magħrufa, b'mod speċjali dwar min kien involut f'dan il-frodi.
"Il-fatt li f’dan l-iskandlu hemm allegatament involviment dirett ta’ Ministru attwali u tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru nnifsu, ikompli jitfa’ dawl ikrah fuq kif flusna intużaw fi frodi istituzzjonalizzat minn but il-familji Maltin u Għawdxin," stqarr il-PN.
Il-PN tenna li bi skandlu wara ieħor, qed jidher b'mod ċar li Robert Abela tilef it-tmun tal-Gvern.