'In-nassaba Maltin għandhom l-esperjenza u l-għodod sabiex jikkontribwixxu lejn ix-xjenza'
Dan qalu l-MEP Alex Agius Saliba, waqt konferenza fuq is-suġġett li ospita fil-Parlament Ewropew
More in Politika
Dan qalu l-MEP Alex Agius Saliba, waqt konferenza fuq is-suġġett li ospita fil-Parlament Ewropew
Il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Saliba, b’kollaborazzjoni mal-Federazzjoni Ewropea għall-kaċċa u l-Konservazzjoni (FACE) u l-Federazzjoni Maltija (FKNK), ospita konferenza fil-Parlament Ewropew li ndirizzat il-kontribut li jagħtu l-kaċċaturi u n-nassaba Maltin għar-riċerka tax-xjenza taċ-ċittadin fl-Ewropa.
Din serviet bħala pjattaforma, fejn esperti minn madwar l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit qasmu l-għarfien u l-ħsibijiet tagħhom dwar ir-relecanza kulturali u l-wirt tal-insib tal-għasafar f’Malta. Sar enfasi fuq kif din l-attività sseħħ fuq skala żgħira, u ffokaw fuq il-qbid ħaj ta’speċi li l-inqas qiegħdin f’riskju minħabba li għandhom popolazzjoni għolja, sabiex ikun żgurat li ma ssirx ħsara.
L-esperti ressqu eżempji ta’ proġetti, li bihom il-kaċċaturi u n-nassaba ikunu jistgħu ikunu ta’ kontribut għall-ġbir ta’ data li jgħin lix-xjenzati jagħmlu kalkoli aktar preċiżi rigward il-popolazzjonijiet kif ukoll ir-rotot migratorji.
Dan isir permezz ta’ programmi ta’ qbid, immarkar, rilaxxar u qbid mill-ġdid, flimkien mat-tlibbis taċ-ċrieket xjentifiċi tal-għasafar. B’hekk, ikun aktar faċli sabiex wieħed jifhem il-bioloġija, l-ekoloġija, l-imġieba, il-moviment, il-produttivita’ tat-tnissil, u d-demografija tal-popolazzjoni tal-għasafar.
Permezz ta’ dawn il-programmi, qed jiġi dejjem imnaqqas id-distakk bejn il-konservazzjoni u l-prattiċi tradizzjonali. Saliba jemmen li, “in-nassaba Maltin għandhom l-esperjenza u l-għodod sabiex jikkontribwixxu aktar lejn dan il-għan, dejjem jekk l-attivitajiet tagħhom ikunu rikonoxxuti bħala metodu xjentifiku validu sabiex għasafar tal-għana jitlibbsu ċ-ċrieket.”
“Din il-konferenza hija pjattaforma għad-djalogu, il-ftehim, u l-kollaborazzjoni fost perspettivi diversi. Għandna l-għan li nippromwovu l-iskambju tal-għarfien u nitkellmu dwar il-kontribuzzjonijiet pożittivi li l-kaċċaturi u n-nassaba Maltin diġa’ jagħtu lir-riċerka tax-xjenza taċ-ċittadini fl-Ewropa, kif ukoll il-kontributi addizzjonali potenzjali li għad iridu jinkisbu”, kompla jżid.
“It-tradizzjonijiet kulturali bħall-kaċċa u l-insib jaffaċċjaw diversi theddid. Se nkompli naħdem biex niżgura li l-istituzzjonijiet Ewropej jagħtu konsiderazzjoni u protezzjoni xierqa lil prattiċi bħal dawn.”