Paul Pace jitlob investigazzjoni dwar it-tixrid ta' informazzjoni kunfidenzjali tiegħu

Din kienet għaddiet lit-Times u lil Manuel Cuschieri, li allega li Pace tħallas għal overtime li mhux vera ħadem

Il-President tal-Unjin tal-Infermiera u Qwiebel Maltin (MUMN) Paul Pace daħħal protest ġudizzjarju fejn qed jitlob investigazzjoni fuq kif informazzjoni kunfidenzjali dwaru spiċċat f’gazzetta, kif ukoll għand preżentatur ta’ programm tal-Partit Laburista.

Bħalissa, Pace huwa s-suġġett ta’ investigazzjoni interna fuq abbuż tal-overtime, fuq allegazzjonijiet mill-preżentatur ta’ programm politiku Manuel Cuschieri.

Il-każ imur lura għal April li għadda, meta Cuschieri allega fuq il-programm tar-radju tiegħu illi Pace kien tħallas għal numru ta’ sigħat ta’ overtime fl-Isptar Monte Karmeli, meta dan kien qiegħed vaganza fl-Eġittu.

Dan kien waqt perjodu fejn diskussjonijiet għal ftehim kollettiv ġdid bejn l-Unjin u l-Gvern kienu weħlu.

Pace ċaħad dawn l-allegazzjonijiet, hekk kif qal lit-Times li “se nkun qed tistenna l-konklużjoni tal-investigazzjoni bla biża’.

Fil-protest tiegħu kontra l-Ministeru għas-Saħħa u l-Kapijiet Eżekuttivi ta’ Monte Karmeli u Mater Dei, hu jgħid li xi ħadd ħa informazzjoni personali tiegħu mis-sistema tal-isptarijiet u għaddiha lil Cuschieri, li mbagħad xandara fuq ir-radju u t-televiżjoni, “f’ksur ovvju tal-liġijiet dwar protezzjoni tad-data, kif ukoll potenzjalment liġijiet oħra.”

L-avukat Jason Azzopardi kompla jżid ma’ dawn l-allegazzjonijiet, hekk kif lejn l-aħħar tax-xahar li għadda kiteb fuq Facebook li, “jekk thedded lill-Gvern b’strike tal-infermiera, la tiġi arrestat u lanqas interrogatat dwar frodi ta’ €90,000, u lanqas ma tiġi mkeċċi mill-impjieg tiegħek mal-Gvern.”

Fil-protest, Pace jisħaq li, “alla jbierek, din l-informazzjoni għaddiet lit-Times preċiżament il-ġurnata ta’ wara maġġoranza assoluta ta’ membri tal-MUMN approvaw ftehim kollettiv ġdid.”

More in Politika