Abela jisħaq li ħadd mill-OPM ma kien involut fl-iskandlu tal-benefiċċji
Jgħid li ħadd mill-Membri Parlamentari Laburisti "ma ta direzzjonijiet lil ħadd sabiex iwettaq affarijiet illegali”
More in Politika
Jgħid li ħadd mill-Membri Parlamentari Laburisti "ma ta direzzjonijiet lil ħadd sabiex iwettaq affarijiet illegali”
Waqt intervista mal-ġurnalisti il-Ħamis 14 ta’ Settembru, il-Prim Ministru Robert Abela insista li l-ebda uffiċċjal mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru ma kien involut fl-iskandlu tal-benefiċċji, “kemm dawk preżenti, u kemm tal-passat.”
Meta staqsa lill-membri tal-Grupp Parlamentari tiegħu jekk kellhomx involviment, huwa saħaq li dawn wieġbu li “ma taw direzzjonijiet lil ħadd sabiex iwettaq affarijiet illegali.”
Dan wara li riċwntament, l-eks Membru Parlamentari Laburist Silvio Grixti kien implikat f’numru ta’ każijiet fuq medda ta’ snin, li jirregwardaw l-akkwiżizzjoni bi frodi ta’ benefiċċji marbuta mad-diżabbiltà, lil mijiet t’individwi li ma kienux entitolati għalihom.
Allegatament, Grixti provda dokumenti mediċi foloz lil nies sabiex jiġu approvati għal benefiċċji minħabba diżabbiltajiet severi li fil-verità ma kellhomx
Skont ir-rapporti, uħud minn dawk li bbenifikaw kienu tkellmu ma’ uffiċċjali tal-customer care f’Ministeri, kif ukol kanvażers ta’ xi Ministri, sabiex ikellmu lil Grixti.
Abela saħaq li kien l-uffiċċju tiegħu li għarraf lill-Pulizija b’dawn il-każijiet lejn l-aħħar tas-sena 2021, u s’issa 160 persuna li bbenifikaw tressqu l-Qorti.
“Meta l-investigazzjoni indikat li Membru Parlamentari Laburist kien involute, ħadt azzjoni immedjata fejn tlabt lil Silvio Grixti jirriżenja, mingħajr preġudizzju lejn l-investigazzjonijiet tal-Pulizija,” kompla jgħid.
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali ħabbar il-ġimgħa l-oħra li €2.1 miljun kienu qed jiġu rikoverati mill-Qrati, filwaqt li l-Gvern ħatar bord sabiex jinvestiga il-mod kif l-applikazzjonijiet għall-iskema kienu qed jiġu approvati.