Aġġornata | 'Faċċoliżmu': De Battista jikkritika lil Metsola għax m'attendietx EuroPride

Jisħaq li, “ma tistax turi wiċċ mod fi Brussell, u wiċċ ieħor f’Malta. Il-poplu mhux baħnan.” 

Aġġornata bir-risposta tal-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f'Malta

Il-Membru Parlamentari u Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Randolph De Battista qasam ħsibijietu fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu dwar il-fatt li Roberta Metsola m’attendietx l-avveniment tal-EuroPride li għadu kemm sar f’Malta.

Skontu, il-kariga tagħha bħala President tal-Parlament Ewropew kien jirrikjedi li tattendi avveniment Ewropew. Apparti minn hekk, saħaq li kellha tkun preżenti anke abbażi tal-fatt li hi Maltija u huwa unur li avveniment ta’ dan il-livell ittella’ fil-pajjiż.

De Battista stqarr li filwaqt li Metsola normalment “tieħu s-selfies mal-attivisti LGBTIQ+,” jifhem lil min “jissuspetta li l-assenza tagħha kienet mossa kkalkultata biex ma tidhirx kerha mal-bażi konservattiva li f’Ġunju li ġej se titlob il-vot tagħhom.”

Għalkemm m’hemmx dubju li Metsola hija persuna impenjata, De Battista żied li “titjira biex nindirizzaw mass meeting sibna,” b'referenza għall-meeting tal-Indipendenza li se jsir għada 20 ta' Settembru, tlett ijiem wara tmiem il-EuroPride.

Saħaq ukoll li, “ma tistax turi wiċċ mod fi Brussell, u wiċċ ieħor f’Malta. Il-poplu mhux baħnan,” fejn irrefera għal dan l-għaġir bħala wieħed faċċol.

Minkejja dan, De Battista faħħar lil kull politiku li attenda l-avveniment, b’referenza partikolari lejn il-membri tal-Oppożizzjoni Claudette Buttigieg u Graziella Attard Previ.

Risposta mill-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f'Malta

 

Intant, b'reazzjoni għall-kummenti ta' De Battistasta, il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f'Malta, Mario Sammut stqarr li l-Parlament Ewropew, "ma jieħux l-akkużi ta’ Membru tal-Parlament min-naħa tal-Gvern ta’ Malta b’mod leġġer."

Huwa qal li l-Parlament Ewropew huwa magħruf għax-xogħol tiegħu fil-qasam tal-LGBTIQ+, u li Metsola hija fuq quddiem nett fil-ġlieda għall-ugwaljanza ta' persuni LGBTIQ+.

"Il-President tal-Parlament Ewropew ma ġietx mistiedna sabiex titkellem fil-EuroPride, u kif kien magħruf fil-pubbliku, hija ma setgħetx tattendi attivitajiet oħra minħabba l-impenji istituzzjonali tagħha," kompla jispjega Sammut. Huwa nnota wkoll li  l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, Viċi-Presidenti u Membri tal-Parlament Ewropew kienu preżenti għall-EuroPride.

Intqal ukoll li Metsola se tkun qed iżżur l-esebizzjoni 'The wind blows…waves in all directions’ fl-ewwel ċans li jkollha nhar il-Ħamis, filwaqt li ġie nnutat li, "Il-President tal-Parlament Ewropew hija alleat kburi tal-komunitá LGBTIQ+, dejjem kienet u ser tibqa’ tkun." 

"EuroPride hija ċelebrazzjoni ta’ mħabba u ugwalitá. Huwa importanti ħafna li din ma tintużax bħala ballun politiku," temm jgħid Mario Sammut.

More in Politika