Ministru Laburista jiddikjara lilu nnifsu kontra l-proġett tal-mina għal Għawdex
Il-Ministru Abela qal: Personalment, jiena kontra li jkun hemm mina
More in Politika
Il-Ministru Abela qal: Personalment, jiena kontra li jkun hemm mina
Il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex li ilha snin tiġi mwiegħda minkejja oppożizzjoni mill-Għawdxin infushom, tidher li lanqas għandha l-approvazzjoni tal-Kabinett kollu, hekk kif meta mistoqsi minn din il-gazzetta, il-Ministru Jo Etienne Abela qal li huwa kontra dan il-proġett.
Abela kien qed iwieġeb domandi mibgħuta mill-ILLUM lil deputati Laburisti u Nazzjonalisti Għawdxin dwar jekk jaħsbux li l-proġett tal-mina se jwassal għal aktar ġid milli deni għal Għawdex u jekk jemmnux li l-mina hijiex biss wegħda bombastika li se tibqa’ tiġi posposta tul is-snin. B’mod skjett, Abela wieġeb, “Personalment, jiena kontra li jkun hemm mina.”
Dan il-proġett, li ilu jiġi mwiegħed minn żmien l-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat, kien is-suġġett ta’ mill-inqas disa’ studji minn Infrastructure Malta, u saħansitra nħarġu wkoll tenders għal dan il-proġett multibiljunarju.
Minkejja n-nefqa fuq l-istudji li diġà saret fuq mina li x’aktarx mhux se tinbena, bosta Għawdxin minn dejjem kienu mħassba dwar dan il-proġett. Dan minħabba li għall-Għawdxin, din il-mina tfisser li jiżdied l-iżvilupp f’Għawdex, liema ġżira diġà qed tiġġieled biex ma titlifx il-karatteristiċi tagħha.
L-ewwel indikazzjonijiet li dan il-proġett qatt ma kien se jsir realtà kienu f’Ottubru tal-2022, hekk kif il-gazzetta MaltaToday kienet irrappurtat li ħadd ma kien kommess li dan il-proġett jinbeda. Hawn intqal li l-problemi kkawżati mill-Covid-19 u l-gwerra fl-Ukrajna komplew jaħdmu kontra dan il-proġett.
Intant, fil-15 ta’ Settembru li għadda, tnediet l-istrateġija għall-iżvilupp reġjonali t’Għawdex għall-erba’ snin li ġejjin. Hawn kien intqal li l-benefiċċji u l-iżvantaġġi tal-mina kellhom jerġgħu jiġu eżaminati.
Intant il-Ministru għal Għawdex kien evażiv għal mistoqsijiet tagħna: “Jien dejjem emmint u nibqa’ nemmen f’iktar konnettività bejn iż-żewġ gżejjer u kien għalhekk li dejjem tkellimt favur il-proġett tal-mina.
“Fl-istess ħin, fl-aħħar snin ma konniex idejna fuq żaqqna u tejjibna bil-kbir il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer għax din hija kruċjali għall-iżvilupp ta’ Għawdex.
“Għamilna dan b’diversi modi, inkluż bir-raba’ vapur, il-fast ferry u issa qed naħdmu wkoll fuq l-ewwel rural airfield f’Għawdex.
“Meta l-imsieħba soċjali Għawdxin kienu kkonsultati bħala parti minn din l-istrateġija, apprezzaw u qiesu dan kollu, u filwaqt li għandhom opinjonijiet imħallta, talbu li fl-istrateġija għal Għawdex ikun hemm punt li jikkunsidra dan kollu biex b’hekk id-diskussjoni tkun waħda sana u b’saħħitha u li tikkunsidra kollox.”
Id-deputati Nazzjonalisti Alex Borg u Chris Said, kif ukoll il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo, ma wiġbux għall-mistoqsijiet tal-gazzetta Illum.