Fehmiet differenti dwar jekk għandha niddeċiedu kemm iżuruna turisti f’sena
Moviment Graffiti u l-MHRA qablu li Malta hija għatxana għal titjib fl-infrastruttura li mhux tlaħħaq mad-domandi li jimponi s-settur turistiku
minn Luigi Sghendo
L-ILLUM tkellmet mal-organizazzjoni mhux governattiva Moviment Graffiti, mal-Malta Hotels and Restaurants Association u l-Ministeru tat-Turiżmu fejn flimkien taw il-fehma tagħhom fuq sistema ta’ Tourism Capping jew aħjar jekk Malta għandha tikkontrolla n-numru ta’ turisti li jaslu f’pajjiżna; u kif u hekk pajjiżna jista’ jibbenifika minn din is-sistema.
Tourism Capping hija sistema fejn jiġi limitat in-numru ta’ “viżitaturi”, f’dan il-każ turisti. Din il-miżura hija frekwentament implimentata f’destinazzjonijiet turisitiċi popolari sabiex jiġu mħarsa setturi sensittivi bħal-ambjent kif ukoll toffri esperjenza iktar pożittiva lit-turist minħabba li hemm limititu ta’ ‘overcrowing’, iġifieri żżomm postijiet milli jesperjenzaw influss qawwi ta’ persuni f’daqqa.
L-Moviment Graffiti qalu li filwaqt li hija possibi li ssir, huma jemmnu li minħabba l-influss qawwi ta’ turisti, bejn 2-3 miljun turist, qed iħalli impatti negattivi minn dawk infrastrutturali għat-trasport u l-iskart, iżda ma’ jaħsbux li Tourism Cap hija s-soluzzjoni minħabba li “il-problema għandha għeruq ħafna iktar fondi; hija r-riżultat ta’ politika ekonomika li tfittex it-tkabbir bla qies minflok it-tqassim ġust tal-ġid.”
Intant, il-Ministeru tat-Turiżmu qal li il-proposta ta’ capping tpoġġi s-settur tat-turiżmu Malti fi żvantaġġ f’termini ta’ kompettivita turistika. Barra minn hekk huma jgħidu li “wara d-daqqa tal-pandemija l-prioritajiet kienu dawk li ngħinu lin-nies, in-negozji u l-ħaddiema biex nirkupraw malajr, u rnexxielna.”
L-MHRA, similarjament bħal Moviment Graffiti qalet li deċiżjonijiet bħal dawn għandhom jittieħdu mill-Gvern għax “Il-Gvern għandu l-eżekuttivi responsabbli li jmexxu pajjiżna.” Bħal Moviment Graffiti, Tony Zahra saħaq li pajjiżna m’għandux l-infrastruttura neċessarja li jilqa’ numru bla limitu ta’ turisti fil-gżejjer Maltin. Fost l-eżempji li semma’ huwa qal li s-sistema tad-dranaġġ huwa eżempju ċar li l-infrastruttura mhux qed tlaħħaq mad-domandi tal-pajjiż, kif ukoll il-provvista tal-elettriku, fejn minkejja li l-Gvern saħaq li kien tort tas-sħana li laqtet il-pajjiż, iżda bosta sostnew li l-problema kienet in-nuqqas ta’ titjib matul is-snin tas-sistema tal-elettriku li wasslet għal qtugħ ta’ dawl f’diversi lokalitajiet għall-ħinijiet twal.
Kif inhu mifhum sew, minn lenti barranija, pajjiżna huwa magħruf bħala destinazzjoni turistika popolari u li għandu dipendenza qawwija fuq dan is-settur hekk kif is-settur turistiku jikkontribwixxi madwar 15% tal-Prodott Gross Domestiku, jew madar 2.7 biljun ewro fis-sena. Iżda wieħed ma jistax jinjora l-piżijiet u ħsarat, b’mod partikolari dawk ambjentali, li dan is-settur qed iħalli. F’Kemuna wieħed jista’ jara’ b’għajnejh l-emmisjonijiet u l-iskart li qed jitħalla minn dan is-settur.
Moviment Graffiti għafsu fuq dan il-punt u kkritikaw l-istrateġija ekonomika tal-pajjiż li implimenta dan il-Gvern; “dik li jkabbar l-ekonomija kemm jiflaħ u mingħajr ma jagħti każ ta’ kemm jifilħu l-gżejjer Maltin.” Huma komplew jgħidu li dan mhux biss qed jitfa’ piżijiet fuq setturi marbutin mat-turiżmu eżempju t-trasport, iżda ukoll il-kirjiet tal-bini, li qed jgħolew minħabba l-ammont għoli ta’ barranin li jiġu jaħdmu f’pajjiżna u konsegwentament qed inaqqru mill-ftit spazju u akkomodazzjoni li joffri pajjiżna.
Minflok Moviment Graffiti qed jipproponu li biex itaffi l-konsegwenzi tal-industrija tat-turiżmu, il-Gvern għandu huwa li jbiddel l-istrateġija tiegħu fir-rigward tal-promozzjoni tal-gżejjer Maltin u fir-rigward tal-inċentivi marbutin mat-turiżmu li joffri, sabiex l-ammont ta’ turisti jonqos organikament.
L-MHRA u Moviment Graffiti qed jinnotaw l-ammont għoli ta’ binjiet tal-akkomodazzjoni turistiċi li qed ifaqqsu madwar Malta. Filfatt fl-2022, l-MHRA flimkien mad-Deloitte kkumisjonaw studju li
wera kif pajjiżna irrid jattrata 4.7 miljun turist sa 2028 sabiex jassigura li lukandi eżistenti u dawk pjanati jilħqu r-rata ta’ okkupazzjoni li kellna lura 2019.
Din l-istatistika xokkanti skont Moviment Graffiti hija riżultat ta’ “Gvern li illaxka r-regoli tal-ippjanar biex ikunu jistgħu igawadu ċerti żviluppaturi u nies oħrajn fin-negozju” u għalhekk “ irridu l-ewwel inibddlu l-politiki tal-ippjanar li ġew imfassla, kif ukoll nirriformaw l-awtoritajiet tal-ambjent u l-ippjanar li qed japprovaw lukandi bl-addoċċ, anki fejn mhux suppost.”
Minn naħa tagħhom il-Ministeru tat-Turiżmu jgħid li r-riżultati f’termini ta’ wasliet, nefqa u iljieli mqattgħin telgħu għall-aqwa ta’ kull żmien u għalhekk saħqu li “l-pass li jmiss ser ikun li b’mod kollettiv naħdmu flimkien biex il-prodott lokali jkun wieħed awtentiku u verament ta’ kwalità fuq kull livell tal-ospitalità Maltija.”