Astensjoni qawwija ta’ Laburisti, bozza ħamra għal Robert Abela

Il-Partit Nazzjonalista qed igawdi minn vantaġġ ta' kważi 5,000 vot minħabba astensjoni qawwija fost l-elettorat Laburista, dan joħroġ minn sondaġġ ippublikat fil-gazzetta MaltaToday

Astensjoni qawwija fost l-elettorat Laburista qed twassal biex il-Partit Nazzjonalista jgawdi vantaġġ minimu ta’ kwazi 5,000 vot fuq il-Partit Laburista. 

Dan joħroġ minn sondaġġ ippubblikat fil-gazzetta MaltaToday illum. 

Dan ifisser li għalkemm il-Partit Nazzjonalista mhux qed iżid il-voti tiegħu, hu qed jibbenefika minn astensjoni ikbar fil-kamp oppost biex jibni vantaġġ zgħir li għadu fil-margin of error tas-sondaġġ. 

L-istħarriġ qed juri li l-ammont ta’ votanti Laburisti li mhux se jivvutaw huwa ferm ikbar mill-ammont ta’ votanti Nazzjonalisti li mhux se jivvutaw. 

Waqt li 29% tal-votanti li vvutaw għall-Partit Laburista fl-2022 mhux beħsiebhom jivvutaw, il-persentaġġ ta’ votanti Nazzjonalisti li mhux se jivvutaw huwa ta’ 14%. 

Dan iwassal biex il-Partit Nazzjonalista jżomm 77% tal-votanti tiegħu fl-2022 waqt li l-PL iżomm biss 58% tal-votanti tiegħu fl-aħħar elezzjoni ġenerali.  

B’mod ġenerali, l-istħarriġ qed juri li huma biss 69% tal-votanti li beħsiebhom jivvutaw.  Jekk dan jirrepeti ruħu f’elezzjoni ġenerali, jirriżulta fl-iktar turnout baxx fl-istorja ta’ Malta mill-1947 ’l hawn. It-turnout diġà kien naqas minn 92% fl-2017 għal 86% fl-2022 u l-istħarriġ jindika li l-ammont jista’ jkompli jiżdied. 

L-istħarriġ juri wkoll li l-maġġoranza relattiva tal-votanti (41%) m’għandhomx fiduċja la f’Robert Abela u lanqas f’Bernard Grech. Madankollu Abela xorta jgawdi vantaġġ qawwi ta’ 19-il punt fuq Grech. Ir-raġuni ewlenija għal dan id-distakk hu l-fatt li nofs il-votanti Nazzjonalisti m’għandhomx fiduċja fl-ebda wieħed miż-żewġ mexxejja. 

L-istħarriġ ippubblikat mill-MaltaToday huwa l-ewwel wieħed li qed isir b’metodoloġija aġġornata. Waqt li nżamm l-istess metodu xjentifiku fl-għażla tal-kampjun, ir-riżultat qed jiġi ppreżentat bħala wieħed elettorali li juri r-riżultat fost dawk li beħsiebhom jivvutaw u li ddeċidew lil min jivvutaw. Qed jintuża wkoll metodu ta’ imputazzjoni li permezz tiegħu bis-saħħa ta’ tweġibiet għal mistoqsijiet oħra inklużi fis-sondaġġ, votanti li ddikjaraw li huma indeċiżI, fejn hu possibbli jiġu allokati ma’ partit jew ieħor. 

 

More in Politika