Ta’ Sannat bl-aktar rapporti ta’ kostruzzjoni f’ħinijiet mhux adegwati

Dak li xi darba kien raħal kwiet fil-gżira Għawdxija issa huwa suġġett għall-akbar numru ta’ rapporti ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni f’ħin mhux adegwat; l-istess raħal li fih Joseph Portelli qed itella’ proġett mostruż li se jibdel il-karatteristiċi tar-raħal 

 

F’Ta’ Sannat f’Għawdex kien hemm l-akbar numru ta’ rapporti mibgħuta lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) dwar il-ħin li fihom isir xogħol ta’ kostruzzjoni mill-bidu ta’ din is-sena sat-28 ta’ Settembru.  

Dan skont informazzjoni li ħarġet wara mistoqsija Parlamentari mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kostruzzjoni Stanley Zammit, lill-Ministru għall-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi. 

Hawn wieħed jista’ jinnota li f’39 lokalità madwar Malta u Għawdex kien hemm mill-inqas rapport wieħed f’kull lokalità ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni li mhux qed isir fil-ħin adegwat. Fost dawk li kellhom l-aktar rapporti kien hemm San Pawl il-Baħar b’sitt rapporti u Marsaskala, Birkirkara, Ta’ Sliema u x-Xagħjra f’erba’ rapporti kull wieħed. 

L-ogħla numru ta’ rapporti ġew minn Ta’ Sannat f’Għawdex, hekk kif dan ir-raħal, li xi darba kien magħruf għall-kwiet tiegħu, ra mal-10 rapporti ta’ kostruzzjoni f’ħin mhux adegwat fl-ewwel disa’ xhur tas-sena.  

Intant, f’mistoqsija Parlamentari oħra minn Stanley Zammit ħareġ ukoll li f’Ta’ Sannat kien hemm żewġ rapporti ta’ trabijiet lill-BCA. L-ogħla numru ta’ rapporti ta’ dan it-tip ġew minn Marsaskala u Birkirkara bi tliet rapporti kull wieħed. 

Ta’ Sannat kien beda jsir sinonimu mal-bini u l-kostruzzjoni mindu bdew jiġu approvati ammont ta’ permessi għall-bini sostanzjali f’dan ir-raħal. Fosthom hemm proġett ġgantesk li se jara 125 appartament ġdid fil-lokalità, liema proġett kien sab oppożizzjoni minn 12-il organizzazzjoni lura fi Frar tal-2022.  

Il-proġett xorta waħda ġie approvat, minkejja li l-kumpanija ta’ Joseph Portelli, li hija wara dan il-proġett, qasmet il-proġett f’numru ta’ applikazzjonijiet, biex b’hekk ma tkunx soġġetta għal skrutinju li huwa normali għal proġett ta’ dan id-daqs. B’hekk, dan il-proġett se jkun l-ogħla bini f’Ta’ Sannat u se jibdel il-karatteristiċi ta’ dan ir-raħal għal dejjem. 

Minkejja d-daqs tal-proġett, dan mhux l-unika żvilupp le bħalissa qiegħed jibdel lil dan ir-raħal, hekk kif ftit passi l-bogħod minnu hemm proġett ieħor ta’ 26 appartament li ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar.  

Dawn iż-żewġ proġetti huma fost il-ħafna li tefgħu dawl fuq il-kostruzzjoni bla rażan fil-gżejjer Maltin li għadu jseħħ sal-lum il-ġurnata, filwaqt li l-mitigazzjoni għal dan il-fenomenu hija waħda b’passi ta’ fekruna.  

Din il-ġimgħa l-Gvern ħabbar li se jkun qed jiftaħ konsultazzjoni pubbliku b’rabta ma’ regolamenti ġodda li meta jidħlu fis-seħħ, se jaraw li xogħolijiet ta’ kostruzzjoni jiġu sospiżi ladarba jkunu soġġetti għal oġġezzjonijiet. Dawn ir-regolamenti kienu tħabbru għall-ewwel darba fl-ewwel ta’ Mejju li għadda, u ġew approvati mill-Kabinett. 

Hawn intqal li l-oġġezzjonijiet għall-permessi iridu jagħtu spjegazzjoni valida għar-raġuni tal-oġġezzjoni. Il-konsultazzjoni pubblika se tiddetermina l-ħin li fih iridu jiġu deċiżi l-oġġezzjonijiet u l-appelli quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar, kif ukoll fil-Qorti. 

Għal dan il-għan, il-Gvern qal li se jkun qed isaħħaħ ir-riżorsi tat-tribunal hekk kif qed jistenna’ li l-oġġezzjonijiet se jiżdiedu hekk kif jidħlu fis-seħħ dawn ir-regolamenti.  

L-ikbar uġigħ ta’ ras sabiex jiddaħlu fis-seħħ ir-regolamenti tħoll u torbot mar-riżorsi tal-qrati, hekk kif filwaqt li l-Gvern irid li l-oġġezzjonijiet jinstemgħu fi żmien adekwat iżda mhux twil ħafna li jxekkel is-settur tal-kostruzzjoni b’dewmien twil, il-qrati huma magħrufa għan-nuqqas ta’ riżorsi tagħhom, u għalhekk x’aktarx li dawn se jiġġieldu għal aktar żmien sabiex jagħmlu xogħolhom. 

Il-konsultazzjoni pubblika se tibqa’ għaddejja sat-tlieta ta’ Novembru 2023, iżda l-Gvern ma kkommettix ruħu għal data sa meta se jidħlu fis-seħħ dawn il-liġijiet. 

More in Politika