Il-gvern sieket dwar il-pożizzjoni ta-eks Direttur tal-Ħabs Alex Dalli li tilef kull libell kontra l-gazzetta ILLUM dwar artiklu illi fih l-eks gwardjan Emmanuel Cassar stqarr li kien ra lil Dalli jdaħħal arma tan-nar f’ħalq priġunier u jwissih li “jekk mhux se toqgħod ta’ nies, din fuqek naħliha”
Dalli kien fetaħ libell lill-ġurnalisti tal-gazzetta ILLUM għax ħassu fil-mira ta’ attakki ripetuti fil-midja fejn ġie allegat li mexa b’aġir abbużiv mal-priġunieri fil-ħatra tiegħu ta’ Direttur.
Dalli xehed li ċertu miżuri kellhom jittieħdu għas-sempliċi fatt li xi priġunieri kienu ta’ riskju għoli għalihom nfushom u għal ta’ madwarhom. Iżda ċaħad dak kollu li intqal mill-gwardjani u sostna li hu kien jaħdem għall-ġid tal-priġunieri.
Illum Dalli huwa l-envoy speċali ta’ Malta għal-Libja.
Fil-Qorti ġie kkonfermat dak li kien intqal fl-artiklu miktub minn Yendrick Cioffi. Stephen Cachia, li kien direttur Ġenerali għall-Kurrikulu u Tagħlin Tul il-Ħajja fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, telgħa jixhed fid-difiża ta’ Cioffi u Balzan u kkonkluda li Dalli kellu imġiba intimidanti mnissla mir-revolver li kien iġorr miegħu u l-kelb kbir tal-għassa.
Matul dik iż-żjara, li fiha kien hemm preżenti anke Evarist Bartolo, intqal li ma kienx hemm sitwazzjoni perikoluża alavolja Dalli kien tenn li dan kien jagħmlu minħabba li ċertu priġunieri kien ikunu ta’ periklu.
Il-Qorti kienet sabet li r-rapurtaġġ min-naħa tal-gazzetta kien sar fl-interess tal-pubbliku u mhux b’intenzjoni malafamanti. Il-ġurnalist għandu jiġi protett għaliex xogħlu jsir fl-interess tal-poplu għax għandu kull dritt ikun infurmat.
Yendrick Cioffi, li kien ġurnalist mal-gazetta ILLUM kien ħadem fuq artiklu li ġie ppubblikat fl-14 ta’ Novembru 2021. Dak iż-żmien, il-gazzetta ILLUM kienet tkellmet ma’ gwardjani tal-ħabs li ikkonfermaw l-inċidenti li ġraw ġewwa l-Faċilitá Korettiva ta’ Kordin.
Cioffi tkellem mal-gazzetta ILLUM issa la l-istorja tiegħu ġiet vvindikata u huwa qal li jinsab kuntent iżda mhux għax ingħata r-raġun, imma minħabba l-fatt li l-Qorti ndunat bit-tip ta’ tmexxija li biha Dalli mexa ġewwa Kordin. Cioffi kompla jgħid li l-Qorti ddikjarat li persuna għandha d-dinjitá tagħha, u li ma kienx hekk, ma kienux jirbħu l-libell.
Apparti dan, Cioffi jagħmel kuraġġ lill-ġurnalisti oħra biex qatt ma joqgħodu lura u jitkellmu fuq affarijiet li mhumiex aċċettabli. Minkejja, l-kummenti ta’attakki li rċivew Cioffi, l-editur Albert Gauci Cunningham u anke l-Editur Maniġerjali Saviour Balzan, baqgħu jinsistu li dak li kien qiegħed isir fil-ħabs ma kienx aċċettabbli u “ż-żmien tana raġun.” Eventwalment, Dalli nieżel mill-kariga tiegħu u tħabbru riformi ġodda għall-ħabs.
Fl-aħħar, ILLUM staqsiet lil Cioffi xi tfisser għalih din ir-rebħa, u huwa qal li “ftit li xejn jimporta” iżda iktar x’riflessjoni titfa’ din id-deċiżjoni tal-Qorti fuq Kordin. Cioffi jgħid li jekk l-istorja terġa’ tirrepeti ruħha, ma tkun rebħa xejn. “Ħabs ta’ kastig ma’ jaħdimx” u hija għalhekk li d-deċiżjoni hija waħda – ħabs ta’ kastig jew ħabs ta’ rijabilitazzjoni.
Hemm programmi ta’ rijabilitazzjoni li għamlu suċċess bħal dawk tal-Fondazzjoni RISE. Cioffi jisħaq li biex priġunier ibiddel ħajtu u jibni futur mill-ġdid għandu jingħata inċentivi u mhux swat u theddid.
Tajjeb nistaqsu ftit x’sar mir-riforma dwar il-kondotta li dwarha l-Gvern kien nieda konsultazzjoni pubblika. Il-kondotta, hija tabella mdendla m’għonqok ittimbrata miegħek għal għomrok, tmur fejn tmur.
Cioffi qal li sakemm din ir-riforma tiġi fis-seħħ, dan il-libell huwa rebħa ċkejkna għax “fadal ħafna xi jsir” biex priġunier joħroġ miċ-ċella u ma jerġax jispiċċa f’oħra. La darba priġunier ikun rijabilitat lura fis-soċjetá, “mhux talli tkun rebħet il-vera ġustizzja, talli tkun rebħet is-soċjetá kollha”.