Għadu kif ġie inawgurat uffiċjalment il-proġett ta’ Triq l-Imġarr, l-arterja prinċipali li għandha tul ta’ kilometru. Din it-triq saret mill-qiegħ bi struttura kumplessa bl-għan li din it-triq fuq t-tafal issir kif suppost darba għal dejjem.
Ix-xogħlijiet f’din it-triq kienu jirrikjedu strutturi speċjalizzati ta’ retaining walls kif ukoll sistema ta’ piles u kolonni sabiex it-triq setgħet tinbena fuq bażi stabbli ġot-tafal.
Dan il-proġett kien jinkludi l-bini mill-ġdid tat-triq, sistemi miżjuda ta’ sigurtà fit-triq biex jonqos ir-riskju tal-aċċidenti, il-bini mill-ġdid tar-retaining walls u ħajt tas-sejjieħ u faċilitajiet oħra sabiex is-servizzi neċessarji jgħaddu minn taħt it-triq.
Il-Ministru Camilleri fakkar li din ma kinitx l-unika triq li saret hekk kif tagħmel parti minn proġett akbar. Saru wkoll Triq iż-Żewwieqa fil-Qala, b’tul ta’ 1.2 kilometru; saret wkoll Triq Sant’Antnin f’Għajnsielem b’tul ta’ 800 metru u anke l-junction ta’ bejn il-Qala, Nadur u Għajnsielem.
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri saħaq li bil-fatti ssaħħu u bdew mill-bidu l-links li mill-Port tal-Imġarr iwasslu għall-irħula fl-Ilvant tal-gżira Għawdxija.
Barraminnhekk, il-Ministru qal ukoll li għaddej xogħol infrastrutturali fuq Triq it-28 ta’ April fil-Qala, kif ukoll xogħlijiet f’Triq il-Ħamri f’Għajnsielem.
Dan ser ikun ifisser li fl-aħħar ftit snin ser ikunu saru mill-ġdid aktar minn 3.5 kilometru ta’ toroq prinċipali u distributorji fejn fil-maġġor parti saru sistemi ġodda ta’ dwal, servizzi tal-ilma, u drenaġġ kif ukoll water culverts għall-qabda tal-ilma tax-xita.
Camilleri temm jgħid li mhumiex se jiefqu hawn hekk kif r-rikostruzzjoni tat-toroq se tkompli tissaħħaħ l-infrastruttura fil-gżira Għawdxija.