Konferenza Ġenerali UNESCO: Malta favur impenn għall-paċi, il-multilateraliżmu u s-solidarjetà

Il-Ministru Bonnici indirizza l-isfidi globali urġenti li jheddu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, filwaqt li enfasizza l-ħtieġa ta’ rispons kollettiv u komprensiv

Waqt l-indirizz għat-42 sessjoni tal-Konferenza Ġenerali tal-UNESCO f’Pariġi, il-Ministru ta’ Malta għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, tenna l-impenn bla waqfien ta’ Malta għall-paċi, il-multilateraliżmu, u s-solidarjetà fost in-nazzjonijiet. 

Waqt li esprima tħassib kbir għat-tbatija u l-vjolenza li għaddejjin bħalissa fir-reġjuni ġirien, il-Ministru Bonnici saħaq li l-komunità internazzjonali ma tistax tagħlaq għajnejha għal vjolenza indiskriminata kontra ċ-ċivili. 

Il-Ministru enfasizza l-importanza tal-multilateraliżmu, id-diplomazija, u l-azzjoni kollettiva biex jiġu indirizzati l-isfidi kumplessi tal-lum. Il-Ministru Bonnici stqarr li huwa biss permezz tal-komunita’ internazzjonali li tista’ tinbena r-reżiljenza biex jinnaviga kwistjonijiet globali b’mod effettiv.

Waqt li appella lill-UNESCO biex toħroġ bħala katalist għall-bidla, il-Ministru Bonnici ħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex taħdem lejn ir-rispett tar-regoli u l-prinċipji universali. Huwa enfasizza r-rwol ċentrali tal-kultura bħala mezz vitali għall-paċi, id-demokrazija, u l-iżvilupp sostenibbli. 

Filwaqt li irrifletta fuq l-istorja ta’ Malta, ta inkoraġġiment tad-djalogu u l-bini tal-paċi, il-Ministru Bonnici semma avvenimenti sinifikanti ospitati fil-pajjiż, inklużi taħditiet u summits ta’ livell għoli. 

Il-Ministru Bonnici sejjaħ għal diskussjoni sinċiera dwar l-iżgurar ta’ reżiljenza u approċċi kooperattivi biex jiġu indirizzati kriżijiet fil-futur. Huwa enfasizza r-responsabbiltà kollettiva li jiġi pprovdut ambjent sikur għas-soċjetajiet biex jiffjorixxu, u ħeġġeġ sforzi globali biex jassistu lill-atturi ewlenin fuq il-post u jindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-kunflitt.

Minbarra l-parteċipazzjoni tiegħu fil-Konferenza Ġenerali tal-UNESCO, il-Ministru Bonnici rrappreżenta lill-Gvern ta’ Malta waqt il-Forum tal-Paċi ta’ Pariġi, u enfasizza l-impenn attiv ta’ Malta fit-trawwim tal-paċi, id-djalogu, u l-kooperazzjoni fix-xena internazzjonali.

More in Politika