Il-linja nazzjonali tiskarta l-obbligu tal-Malti bħala lingwa
Għall-ewwel darba f’50 sena, l-ekwipaġġ tal-kabina tal-linja nazzjonali m’għandux bżonn ikun jaf jitkellem bil-Malti biex jaħdem
More in Politika
Għall-ewwel darba f’50 sena, l-ekwipaġġ tal-kabina tal-linja nazzjonali m’għandux bżonn ikun jaf jitkellem bil-Malti biex jaħdem
Il-linja nazzjonali Maltija, KM Malta Airlines, se tneħħi l-ilsien Malti bħala rekwiżit għal impjieg magħhom.
Dan ifisser li għall-ewwel darba f’50 sena, l-ekwipaġġ tal-kabina tal-linja nazzjonali m’għandux bżonn ikun jaf jitkellem bil-Malti.
Sorsi qrib il-Ministeru responsabbli mill-kumpanija l-ġdida KM Malta Airlines qal lill-gazzetta ILLUM li din kienet diskussa u maqbula mal-union tal-ekwipaġġ.
“Ilha miftiehma,” qal is-sors, “dan biex inkunu konformi ma’ linji oħra tal-ajru low-cost.”
KM Malta Airlines hija l-kumpanija l-ġdida li tibda topera propju llum, il-Ħadd 31 ta’ Marzu. Din se tkun qed tieħu post il-kumpanija Air Malta li għal 50 sena sħaħ kienet il-linja nazzjonali tal-ajru.
Persuni li qabel kienu japplikaw għal xogħol mal-Air Malta bħala membri tal-ekwipaġġ kienu jkunu mitluba profiċjenza fit-taħdit, fil-kitba u fl-abbiltà li jaqraw l-avviżi, kemm bl-Ingliż, kif ukoll bil-Malti.
Fl-applikazzjoni nnifisha dan kien ikun miktub ċar, anke għal membri oħra tal-ekwipaġġ minn “swieq reġjonali,” iżda bbażati f’Malta.
Il-kumpanija kienet tispeċifika wkoll li, minħabba n-natura tax-xogħol, il-ħakma tat-tielet lingwa fil-membri tal-ekwipaġġ, kienet apprezzata iżda mhux obbligata.
Din l-aħbar tiġi biss ftit ġimgħat wara l-kontroversja fil-Parlament Ewropew, fejn il-Malti, waħda mil-lingwi uffiċjali fi ħdan l-istess parlament, inqatgħet mil-laqgħat tal-Kumitati tal-Parlament Ewropew. Dan seħħ minħabba li m’hemmx interpreti biżżejjed għall-Malti.
Fl-istess żmien, f’Malta ġiet introdotta l-Karta tal-Ħiliet għall-ħaddiema barranin fis-settur tas-saħħa speċjalment fejn hemm involuti l-anzjani. B’din il-karta, ħaddiema barranin huma mgħallma frażijiet u Malti bażiku biex ikunu jistgħu jikkomunikaw mal-pazjenti tagħhom.