Il-PL irid ineħħi lil maġistrat tal-Inkjesta Vitals mill-każ tal-blokka soċjali fis-Siġġiewi

Il-Partit Laburista qed jippjana li jitlob ir-rekuża tal-Maġistrat Gabriella Vella minn każ mressaq mill-PN dwar ir-reġistrazzjoni ta’ 99 votant fi proġett ta’ djar tal-gvern li għadu qed jinbena

Il-Partit Laburista qed jippjana li jitlob ir-rekuża tal-Maġistrat Gabriella Vella minn każ mressaq mill-PN dwar ir-reġistrazzjoni ta’ 99 votant fi proġett ta’ djar tal-gvern li għadu qed jinbena.

Ix-xahar li għadda, il-PN ippreżenta rikors fil-qorti biex talbu t-treġġigħ lura tar-reġistrazzjonijiet għall-votanti inkwistjoni.

Il-blokka Silvio Parnis, tinsab fis-Siġġiewi, lokalità li l-PL rebaħ fl-aħħar elezzjonijiet tal-kunsilli lokali b’vantaġġ żgħir ta’ 70 vot.

S'issa, tliet persuni ammettew fil-qorti li fil-fatt ma jgħixux fir-residenza fejn huma rreġistrati.

It-Tlieta, il-PL stqarr li se jintervjeni fil-kawżi, hekk kif se jitlob ir-rekuża tal-Maġistrat Gabriella Vella minn uħud mill-kawżi.

Il-maġistrat inkwistjoni dan l-aħħar kienet fil-mira tal-attakki mill-PL u l-Prim Ministru, wara l-konklużjoni tagħha tal-inkjesta Vitals.

Fl-istqarrija tiegħu, il-PL qal li l-Maġistrat irrifjutat li tirrikuża ruħha.

F’April, ġie rrapportat li 73% tad-99 votant ġejjin minn tliet lokalitajiet li jiffurmaw parti mill-kostitwenza tal-ministru tad-djar Roderick Galdes. Tagħrif li kiseb is-sit MaltaToday juri li l-ebda votant ma kien irreġistrat bħala residenti tal-blokka sal-31 ta’ Marzu, meta ġie ppubblikat ir-reġistru elettorali kif normalment isir kull sena.

Meta mistoqsi jikkummenta dwar l-allegazzjonijiet, Roderick Galdes qal li l-kwistjoni kienet "media spin tal-MaltaToday."

More in Politika