Il-Kunsill tal-Belt irid jindirizza żoni identifikati b’każijiet ta’ suwiċidju wara t-traġedja ta’ Gouder

Olaf McKay, Sindku tal-Belt Valletta, qal mal-ILLUM, li diġà ltaqa’ ma’ diversi entitajiet u professjonisti fil-qasam tas-saħħa mentali biex jikkollaboraw fl-iżvilupp ta’ pjan ħolistiku.

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, immexxi minn Olaf McKay, se jkun qed jiddiskuti modi kif jiġu indirizzati żoni fil-Belt li saru sinonimi ma’ każijiet ta' suwiċidju.

"Se nkun qiegħed nlaqqa’ lill-Kunsill biex infasslu pjan u niddentifikaw kif nistgħu nagħtu l-kontribut tagħna fejn tidħol is-saħħa mentali," qal McKay f'kummenti mal-gazzetta ILLUM.

Wara l-mewt tal-eks MP Karl Gouder, diversi ħaddiema li jaħdmu fil-viċinanza tal-eks binja tad-Dwana fil-Belt Valletta rrappurtaw mal-gazzetta ILLUM li mhux l-ewwel darba sabu lilhom infushom f'sitwazzjonijiet traġiċi fejn qabel ma jidħlu xogħol jaraw vittmi tas-suwiċidju tilfu ħajjithom.

Wieħed mill-ħaddiema spjega li, f’dawn l-aħħar snin, ra madwar erba’ każijiet differenti, b'wieħed minnhom saħansitra jiġri ftit passi 'l bogħod minnu f'sigħat bikrin ta' filgħodu.

Residenti Beltin li tkellmu mal-ILLUM qalu li jinsabu inkwetati dwar dawn l-inċidenti u qed jappellaw sabiex tittieħed azzjoni filwaqt li jissuġġerixxu diversi soluzzjonijiet, bħal tqegħid ta’ għassies jew tħejjija ta' gradi fil-madwar, simili għal dawk li saru fuq il-pont ta' Wied il-Għasel fil-Mosta.

“Sfortunatament, ilna snin nisimgħu stejjer ta’ traġedji bħal dawn fil-Belt,” ikkonferma McKay. Huwa żied jgħid li l-Kunsill Lokali għandu responsabbiltà li jiżgura li hemm servizzi għar-residenti li jistgħu jiġu utilizzati f'każijiet ta' bżonn.

Bħala Sindku, McKay qal li diġà ltaqa’ ma’ diversi entitajiet u professjonisti fil-qasam tas-saħħa mentali biex jikkollaboraw fl-iżvilupp ta’ pjan ħolistiku.

"F'postijiet sinonimi mal-każijiet ta’ suwiċidju fil-Belt, se nqiegħdu messaġġi pożittivi kif ukoll numri ta' kuntatti ta’ għajnuna immedjata," żied jgħid McKay.

Il-proposta tal-eks sindku Nazzjonalista Chris Micallef, li ssuġġerixxa servizzi b’xejn relatati mas-saħħa mentali għar-residenti, ġiet milqugħa b’entużjażmu minn McKay, li qal li dawn il-proposti, flimkien ma’ oħrajn li jaslu mir-residenti stess, jistgħu jiġu diskussi wkoll fil-laqgħat tal-Kunsill.

“Karl Gouder kien politiku ta' integrità u rispett. F'dan iż-żmien diffiċli, ejjew ningħaqdu flimkien u nsaħħu l-għaqda nazzjonali,” temm jgħid McKay.

More in Politika