Imħabbra ħatriet ġodda fit-tmexxija tal-PBS
Fi stqarrija nhar l-Erbgħa, il-gvern ħabbar li l-PBS se jkollu CEO, chairperson mhux eżekuttiv, u chairperson tal-bord editorjali ġodda
More in Politika
Fi stqarrija nhar l-Erbgħa, il-gvern ħabbar li l-PBS se jkollu CEO, chairperson mhux eżekuttiv, u chairperson tal-bord editorjali ġodda
Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali jħabbar ħatriet ġodda fit-tmexxija tal-Public Broadcasting Services Ltd (PBS).
Anna Bonett se tkun qed tinħatar Chairperson mhux Eżekuttiva tal-kumpanija. Is-Sinjura Bonett għandha iktar minn 45 sena esperjenza fis-settur tax-xandir, il-komunikazzjoni u l-ospitalità fejn hija magħrufa partikolarment għar-rwoli diversi li kellha fi ħdan Xandir Malta u sussegwentement il-PBS. Anna Bonett ippreżentat u kkonduċiet uħud mill-iktar programmi popolari matul is-snin fil-qasam tax-Xandir Pubbliku u anke kellha esperjenza ma’ stazzjonijiet tax-xandir privati. Ħadmet ukoll fl-arkivji tal-PBS. Hija għandha esperjenzi ukoll fis-settur tat-turiżmu u għal xi żmien mal-Uffiċju tal-High Commission ta’ Malta f’Londra. Is-Sinjura Bonett hija kkwalifikata fil-qasam tal-immaniġġjar.
L-Inġinier Keith Chetcuti se jkun qed jinħatar Kap Eżekuttiv tal-PBS. Huwa beda l-karriera fil-qasam televiżiv u dderieġa bosta programmi popolari. Kien ukoll involut fi produzzjonijiet kummerċjali. Fl-aħħar 20 sena ħadem fis-settur privat. Keith Chetcuti gradwa bħala inġinier mill-Università ta’ Malta.
Bonett u Chetcuti se jidħlu fil-karigi rispettivi tagħhom b’seħħ mill-1 ta’ Ottubru 2024.
Engelbert Grech inħatar Chairperson tal-Bord Editorjali tal-PBS, wara l-irtirar mill-kariga ta’ Joseph Sammut. Grech iġib miegħu iktar minn 30 sena esperjenza fl-industrija tax-xandir u huwa gradwat fil-komunikazzjoni. Wara numru ta’ snin fil-ġurnaliżmu ma’ stazzjon tar-radju privat, huwa beda jipproduċi programmi għall-PBS u wara ħadem ukoll fis-suq internazzjonali. Huwa kien ukoll Kummissarju tal-Films għal erba’ snin. Fl-aħħar snin huwa kien involut fi produzzjonijiet għal pjattaformi rinomati internazzjonali. Per konsegwenza tal-ħatra tiegħu bħala Chairperson tal-Bord Editorjali tal-PBS, Grech irriżenja minn membru fuq il-Bord tad-Diretturi tal-PBS. Minflok Grech, se tinħatar Anna Bonanno bħala membru fuq il-Bord tad-Diretturi.