Stħarriġ tal-gazzetta MaltaToday juri li l-PN qiegħed kważi 12,000 vot minn fuq jekk issir elezzjoni issa.
Madankollu, l-istess stħarriġ juri li Robert Abela jgawdi vantaġġ ta’ 16-il punt perċentwal fuq Grech meta l-parteċipanti fl-istħarriġ ġew mistoqsija f’min għandhom l-iktar fiduċja biex imexxi l-pajjiż.
Raġuni ewlenija għala l-PN qiegħed quddiem minkejja li l-mexxej tal-partit hu fdat biss minn 27% tal-elettorat hu l-fatt li faxxa kbira ta’ votanti beħsiebhom jivvutaw PN minkejja li ma jafdawx lil Grech biex imexxi l-pajjiż.
Fil-fatt, kwazi 30% tal-votanti Nazzjonalisti m’għandhom fiduċja fl-ebda miż-żewġ mexxejja tal-partiti ewlenin u kważi 4% għandhom iktar fiduċja f’Abela milli fi Grech.
Minkejja li l-PN qed jirnexxilu jiġbor appoġġ fost votanti li m’għandhomx fiduċja fi Grech, din tista’ tkun problema jekk il-Partit Laburista jirnexxilu jbiddel l-elezzjoni li jmiss f’għażla presidenzjali bejn il-mexxejja tal-partiti kif kien għamel il-PN fl-2008 meta kien ħareġ bl-islogan GonziPn. Dan kien seħħ f’kuntest simili fejn is-sondaġġi tal-MaltaToday kienu juru fiduċja ikbar f’Laurence Gonzi milli f’Alfred Sant minkejja li l-PL kellu vantaġġ żgħir fuq il-PN.
Ostaklu ieħor għall-PN hu l-fatt li Grech ftit li xejn igawdi fiduċja ta’ dawk li bħalissa beħsiebhom ma jivvutawx. Waqt li f’din il-kategorija Abela jgawdi l-fiduċja ta’ 34%, Grech igawdi biss il-fiduċja ta’ 4%. Dan ifisser li l-PL għandu iktar spazju fejn jikber f’din il-kategorija strateġika milli għandu l-PN.
L-istħarriġ juri wkoll li Grech għandu problema kbira biex jikkomunika maż-żgħażagħ.
Fil-fatt, il-mexxej tal-PN hu fdat biss minn 13% ta’ dawk li għandhom bejn 16 u 35. Minkejja li f’din il-kategorija l-PN igawdi vantaġġ ta’ ħames punti, Abela jgawdi vantaġġ ta’ 26 punt fuq Grech. Dan ifisser li bosta votanti f’din il-kategorija beħsiebhom ma jivvutawx imma xorta jippreferu lil Abela.
Ironikament, waqt li l-istħarriġ juri li l-ikbar problema tal-PN hi l-mexxej li hu inqas popolari mill-partit, fil-każ tal-PL l-ikbar problema hi li hemm faxxa li għandhom iktar fiduċja f’Abela imma mhux lesti jivvutaw lill-PL.
Diżillużjoni fil-Kottonera u fl-ibliet tal-madwar
L-istħarriġ juri wkoll li waqt li l-PL qed jitlef f’erba’ reġjuni minn sitta, inkluż Għawdex, iż-żewġ reġjuni tat-Tramuntana u tal-Punent, Abela jgawdi iktar fiduċja minn Grech f’kull reġjun.
Jidher ukoll li l-PL qed jaffaċċja wkoll problemi mal-votanti li joqogħdu fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Port il-Kbir (South Harbour) li jinkludi l-Kottonera u l-ibliet tal-madwar li bosta minnhom huma meqjusin bħala fortizzi Laburisti.
F’dan ir-reġjun insibu l-ikbar perċentwal ta’ nies li mhux beħsiebhom jivvutaw (30%). Għalkemm il-PL igawdi vantaġġ ta’ 11-il punt fuq il-PN, dan hu ferm inqas minn dak mistenni. Madankollu waqt li f’dan ir-reġjun huma biss 36% li beħsiebhom jivvutaw lill-PL, Abela jgawdi l-fiduċja ta’ 48%.
Min-naħa l-oħra, il-PL jidher li rkupra mhux ħażin fir-reġjun tax-Xlokk li jinkludi lokalitajiet bħal Birżebbuġa, Marsaskala u ż-Żurrieq li fih 53% beħsiebhom jivvutaw lill-PL u Abela jgawdi l-fiduċja ta’ 61% tal-votanti.
L-istħarriġ juri wkoll li Bernard Grech igawdi l-iktar fiduċja f’Għawdex fejn 33% għandhom iktar fiduċja fih milli f’Abela. F’dan ir-reġjun, li fih il-PN igawdi vantaġġ ta’ disa’ punti, id-distakk bejn il-mexxejja hu ta’ erba’ punti favur Abela.