Biża’ kbir fil-PN għall-partit ta’ Cassola

Arnold Cassola, il-kandidat indipendenti, kif ukoll eks chairperson tal-Alternattiva Demokratika għadu bil-ħsieb li jifforma partit ġdid

Arnold Cassola, il-kandidat indipendenti, kif ukoll eks chairperson tal-Alternattiva Demokratika għadu bil-ħsieb li jifforma partit ġdid.  

Dan l-episodju qed jinkwieta lill-PN b’mod speċjali għax Cassola huwa popolari l-iktar ma’ votanti Nazzjonalisti li jaraw lill-PN bħala laħam mibjugħ u Bernard Grech bħala inkompetenti. Infatti attentat minn Grech biex jiltaqa’ ma’ Cassola ġie rifjutat minn Cassola.  

L-ILLUM tkellmet ma’ Cassola fuq il-partit il-ġdid li hu kien irrakkomanda u qal li sab entużjażmu kbir min-nies li jridu bidla għal Malta ġusta, b’saħħitha, u isbaħ. 

“Għamilna tliet laqgħat s’issa, man-nies stess, vision circles. L-ewwel waħda kienet fuq it-trasparenza, it-tieni kienet fuq l-ekonomija, u l-aħħar waħda kienet fuq l-infrastruttura.” 

Huwa qal li għal kull laqgħa kellu attendenza ta’ mitt ruħ, u sal-Ġimgħa stess ġie konkluż l-ewwel dokument tal-viżjoni li ħarġet mill-ewwel laqgħa. 

“Qed naħdmu, imma għadna se niddiskutu t-triq ’il quddiem,” Cassola żied jgħid. 

S’issa l-preżenza parlamentari fil-Parlament Malti ma seħħitx f’dawn l-aħħar snin imma Cassola jista’ jattira numru mdaqqas ta’ voti.  

Il-PN għandu raġun jargumenta li Cassola b’dan il-partit jista’ jfixkel lill-PN milli jirbaħ. F’elezzjoni ġenerali, differenza ta’ 8,000 vot jistgħu jagħmlu differenza kbira.

More in Politika