BIL-FILMAT: Moviment Graffitti jwaqqfu d-diskors tal-Baġit b'protesta kontra l-iżvilupp żejjed

Attivisti mill-NGO Moviment Graffitti ħasdu lill-Ministru tal-Finanzi, Clyde Caruana, hekk kif waqqfu d-diskors tiegħu għall-Baġit 2025 bi protesta fil-parlament • Il-Ministru għall-Ippjanar Clint Camilleri jidher jidħak waqt li l-attivisti jitneħħew mill-uffiċċjali

(Ritratti: James Bianchi/ILLUM)
(Ritratti: James Bianchi/ILLUM)

Attivisti mill-NGO Moviment Graffitti ħasdu lill-Ministru tal-Finanzi, Clyde Caruana, hekk kif waqqfu d-diskors tiegħu għall-Baġit 2025 fl-ewwel minuti tiegħu permezz ta' protesta fil-Parlament. Din x'aktarx hi  l-ewwel darba fl-istorja li protesta seħħet  waqt id-diskors tal-Baġit.

L-attivisti fetħu banner u xerdu flyers fl-arja, waqt li akkużaw lill-gvern li qed jaġixxi taħt l-influwenza ta’ magnati tal-kostruzzjoni. B'għajta waħda l-attivisti bdew jgħajtu "tiżfnu għad-daqqa tal-iżviluppaturi".

(Ritratti: James Bianchi/ILLUM)
(Ritratti: James Bianchi/ILLUM)

Filwaqt li bosta ministru dehru sorpriżi, ċerti ministri, fosthom il-Ministru tal-Ippjanar Clint Camilleri, dehru jidħku b'dan kollu.

L-uffiċjali tal-parlament keċċew lill-attivisti 'l barra mill-Kamra b'forza aggressiva, filwaqt li x-xandira tal-Baġit inqatgħet għal għaxar minuti sħaħ.

Moviment Graffitti xandret kollox b'mod dirett fuq Facebook, fejn dehru jakkużaw li l-gvern qed jagħti prijorità lill-interessi tal-lobby tal-iżvilupp, li qed iwassal għal devastazzjoni tal-ambjent u tal-ippjanar mingħajr riformi sostenibbli.

(Ritratti: James Bianchi/ILLUM)
(Ritratti: James Bianchi/ILLUM)

Fl-istqarrija fuq Facebook, Moviment Graffitti ddikjarat li "ċ-ċirasa fuq il-kejk hija l-modifika tal-liġi mill-gvern għall-benefiċċju tal-iżviluppatur Anton Camilleri 'il-Franċiz' u l-proġett tiegħu fil-Villa Rosa."

L-attivisti temmew b'messaġġ ċar: “Aħna mhux lesti ngħixu taħt id-dittatorjat tal-iżviluppaturi u naraw pajjiżna jintrewa mill-gwadan tas-sakra. Mhux ser inħallukom tinjoraw l-għajta tan-nies għall-ġustizzja. Il-ġlieda tkompli.”

More in Politika