Attivisti ta’ NGOs ambjentali Maltin u Għaqdxin jingħaqdu fi protesta kontra żvilupp li se jara l-bini ta’ ‘aparthotel’ ta’ 5 stilel bi 63 kamra, 50 appartament, 105 unit residenzjali u l-ħolqien ta’ pjazza pubblika
Waħda mill-eqdem barrakki Ingliżi fil-gżejjer u l-unika waħda f’Għawdex hi mhedda minn żvilupp massiv issa li qegħda mitluba, tokrob għal restawr, attivisti qalu f’protesta s-Sibt.
“Il-poplu qed jinsteraqlu wirtu biex igawdi l-privat… tuna lura Fort Chambray,” qalu l-attivisti.
L-NGOs ambjentali Għawdxin, Għawdix, Din l-Art Ħelwa, u Wirt Għawdex, ingħaqdu ma' Moviment Graffitti biex “invadu” l-forti fis-sigħat bikrin ta’ wara nofsinhar. Aramati b’banner u karetlluni f’idejhom huma żaru partijiet mill-forti waqt li gwida spjega fid-dettall dik il-parti kif kienet is-servi fi żmien l-Ingliżi u s-snin ta’ wara.
Qabel fetħu l-kanċell billi kisru l-ktajjen, il-gwida spjega li din il-forti kellha tkun il-belt kapitali ta’ Għawdex, iżda l-Għawdxin stess kienu qablu li l-aħjar jibqgħu viċin ir-Rabat.
Waqt il-mixjiet tagħhom, bejn parti tal-forti u oħra, l-attivisti f’għajtha waħda qalu “tħanżirtu żżejjed, iż-żejjed kollu żejjed,” u “tuna lura Tuna lura Fort Chambray.”
Min-naħa tiegħu, Andre Callus minn Moviment Graffitti, fakkar kif in-nies fl-aħħar snin ma gawdux il-fortifikazzjoni u dak li hemm moħbi warajha, għax “dejjem xi ħadd kellu pjan għalih.”
Qal li qatt ma kellu l-pajjiż jasal fi stadju li jiddiskuti pjanijiet bħal dawn, speċjalment fi żmien meta l-poplu hu maħnuq bil-bini.
“Poplu qed jinsteraqlu wirtu biex igawdi l-privat… Se nkissru barrakki storiċi, biex jinbnew l-appartamenti ġo forti. U min se jgawdi minnhom? Jien jew int? Le, se jgawdu minnhom biss il-ftit ta’ bla ebda rispett.”
Dak li qed ikun propost
L-aħħar pjanijiet għall-Forti Chambray f’Għawdex jinkludu aparthotel ta’ 5 stilel bi 63 kamra, 50 appartament, 105 unit residenzjali u l-ħolqien ta’ pjazza pubblika.
Il-proġett, propost mill-iżviluppatur Għawdxi Michael Caruana f’isem Fort Chambray Ltd, jinvolvi l-bini ta’ żewġ livelli ta’ parkeġġ taħt l-art bi 319-il garaxx.
Il-faċċata u l-ġnub tal-kwartieri Ingliżi se jiġu rilokati qrib il-kwartieri tal-Kavallieri, u warajh se jinbena bini ġdid biex jilqa’ l-aparthotel propost. Għaxar kmamar oħra għal-lukanda huma proposti fi ħdan id-Dar it-Tabib.
Il-kwartieri tal-Kavallieri nfushom se jakkomodaw erba’ ħwienet żgħar, ir-ristoranti, u spazju għall-konferenzi u tal-esibizzjonijiet. Il-bini tal-polverista se jinbidel fil-bar tal-aparthotel, filwaqt li l-forn navali se jsir club house.
L-għoli tal-appartamenti se jvarja minn żewġ sulari sa tliet sulari. L-appartamenti residenzjali u l-lukanda jistgħu jitilgħu sa massimu ta’ erba’ sulari.