Inkwiet fost il-Laburisti dwar il-każ Clayton u Clint

Filwaqt li l-Laburisti mhumiex kontra li Laburisti oħra jkollhom impjieg mal-Gvern u wisq aktar mal-ministeri, huma mdejqa bl-andamenti ta’ dan il-każ 

Laburisti li tkellmu ma’ din il-gazzetta esprimew rabja kbira għall-aħbar ta’ dak li ġie żvelat dwar kif is-sieħba, issa mara, ta’ ministru ngħatat kariga għolja u paga għolja meta ma kinitx kwalifikata u wisq aktar li ma kinitx qed tmur fuq il-post tax-xogħol tagħha ġewwa Għawdex.  

Bosta Laburisti li tkellmu mal-ILLUM qalu li ma kienu jaraw xejn ħażin li kieku l-partner tal-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo baqgħet taħdem mal-Gvern.  

“X’hemm ħażin li taħdem mal-Gvern? Li hemm ħażin hu li marret suppost taħdem fil-Ministeru ta’ Għawdex u, mhux hekk biss, ingħatat promozzjoni b’paga tajba,” qalilna Laburist minn San Gwann.  

Laburist ieħor, li inzerta li huwa delegat minn Birkirkara, qal li, fil-każ tal-Vitals, “ħafna Laburisti ma jistgħux iħossu l-effett ta’ dan l-iskandlu,” għal kuntrarju ta’ dan li qed jiġri issa. 

“Għalihom is-servizz tas-saħħa baqa’ għaddej u ma kienx hemm trikki trakki. Kieku kien hemm, kienu jeħduha kontra Joseph (Muscat) u l-Gvern tagħhom. Imma f’din, il-Laburist li huwa impjegat, jirraġuna; “mela sew, jien nitbażwar, qatt ma nieħu promozzjoni u ħaddieħor jingħata platt tal-fidda.”

More in Politika