Raġel arrestat fuq vandaliżmu fil-Palazz tal-Gran Mastru

Raġel inqabad jagħmel vandaliżmu fuq it-taraġ ewlieni tal-Palazz tal-Gran Mastru f’Valletta nhar it-Tlieta wara nofsinhar, u ġie arrestat immedjatament

Ritratt: Heritage Malta
Ritratt: Heritage Malta

Raġel inqabad jagħmel vandaliżmu fuq it-taraġ ewlieni tal-Palazz tal-Gran Mastru f’Valletta nhar it-Tlieta wara nofsinhar.

Ir-raġel, li huwa impjegat minn kuntrattur għall-ħarsien tal-indafa fil-Palazz, instab iħażżeż graffitti fuq il-ħitan u l-balavostri tat-taraġ.

Il-Pulizija ġew imsejħa minnufih fuq il-post, u għaddejja investigazzjoni dwar dan il-każ.

Ritratt: Heritage Malta
Ritratt: Heritage Malta

Heritage Malta ikkonfermat li ntuża verniċ tal-għamara fil-vandaliżmu. L-evalwazzjonijiet inizjali jindikaw li l-ħsara mhix permanenti, u l-proċess ta’ restawr biex jitneħħew il-graffitti u t-taraġ jerġa’ lura għall-kundizzjoni oriġinali tiegħu diġà beda.

Barra mill-investigazzjoni tal-Pulizija, Heritage Malta nediet ukoll investigazzjoni interna dwar l-inċident.

Il-Palazz tal-Gran Mastru, li huwa monument storiku u wieħed mis-siti kulturali l-aktar għeżież f’Malta, fetaħ mill-ġdid għall-pubbliku f’Jannar wara proġett estensiv ta’ restawr.

More in Politika