Il-Ħamas ħeles tliet ostaġġi waqt ċerimonja simili ta’ kif ġew meħlusa ostaġġi qabel. Din hi s-sitt darba li nħelsu ostaġġi miż-żewġ naħat, bl-Iżrael teħles madwar 300 priġunier taħt l-istess ftehim li sar f’Jannar.
Sagui Dekel-Chen, Iair Horn, u Sasha Troufanov, huma t-tliet ostaġġi li ġew meħlusa s-Sibt. Dawn inqabdu minn Kibbutz Nir Oz waqt l-attakk tas-7 t’Ottubru fl-2023. Din is-sensiela ta’ ħelsien t’ostaġġi tiggarantixxi l-ħelsien ta’ 33 ostaġġ tal-Ħamas u iżjed minn elf priġunier min-naħa t’Iżrael. Min-naħa l-oħra, Iżrael għandha wkoll tnaqqas il-preżenza tagħha minn Gaża.
Waqt iċ-ċeremonja tal-ħelsien, huma ttellgħu fuq palk b’kartellun kbir li jagħmel referenza għall-pjanijiet ta’ Trump għal Gaża. Il-President Amerikan Donald Trump aktar kmieni din is-sena għamel il-pjan tiegħu ċar, li jkeċċi iżjed minn żewġ miljun Palestinjan ta’ Gaża f’pajjiżi oħra sabiex Gaża tinbena mill-ġdid b’għan kummerċjali.
Fost it-369 priġunier Palestinjan li ħa ngħataw il-ħelsien, hemm 36 ruħ li ngħataw sentenza tal-ħabs għal għomorhom. It-333 l-oħra huma Palestinjani minn Gaża li waqgħu fil-kustodja tal-forzi Iżraeljani waqt il-gwerra.
Hemm ħafna li jinsabu mħassbin rigward is-sostenibbiltà tal-ftehim tat-twaqqif mill-isparar, speċjalment wara l-istqarrija kontroversjali ta’ Trump, li iżjed tefgħet dubji fuq il-ftehim. Barra minn hekk, il-Ħamas bdiet thedded li ddewwem il-ħelsien tal-ostaġġi għax skonthom Iżrael ma kinitx qed timxi mat-termini tal-ftehim. Riżultat t’hekk, Iżrael qalet li ħa tkompli l-ġlied jekk ma jinħelsux l-ostaġġi.