Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino, talab lill-Kumitat Eżekuttiv tal-partit biex jibda l-proċess ta’ elezzjoni ta’ sostitut għalih.
Piccinino kien ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jirtira mis-sehem tiegħu f’dan l-irwol is-sajf li għadda. Madankollu, il-proċess biex jinħatar Segretarju Ġenerali ġdid kien twaqqaf wara l-mewt ta’ Karl Gouder, li kien maħsub li jieħu postu.
L-elezzjoni issa se ssir fost il-membri tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN, li se jfasslu l-passi li jmiss.
Sa issa, tliet persuni esprimew l-interess tagħhom li jikkontestaw il-kariga: Stefan Caruana, neputi tal-attivist tal-PN maqtul, Raymond Caruana; Charles Bonello, eks-assistent tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi, u Liam Sciberras, kunsillier ta’ Santa Luċija.
Piccinino kien elett Segretarju Ġenerali erba’ snin ilu u issa qed jagħmel pass lura biex jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss fuq ir-raba' Distrett.
F’messaġġ fuq Facebook, irringrazzja lil dawk kollha li kienu parti mill-vjaġġ tiegħu ta’ erba’ snin f’din il-kariga.
“Ma kinetx faċli, imma kburi bix-xogħol li rnexxielna nagħmlu flimkien. Minkejja l-isfidi li l-partit kellu jiffaċċja matul is-snin li għaddew, illum għandna partit trasformati li reġa’ beda joffri tama u opportunità għal bidla f’pajjiżna,” qal Piccinino.
Huwa saħaq li se jibqa’ leali lejn il-Kap tal-PN, Bernard Grech, kif ukoll lejn is-Segretarju Ġenerali l-ġdid, ikun min ikun elett.
“Ninsab lest li nkompli naqdi lill-partit b’kull mod possibbli biex il-Partit Nazzjonalista jkompli jimxi ’l quddiem u jwassal il-bidla li tant għandna bżonn,” temm jgħid Piccinino.