Fl-indirizz tagħha lill-membri tal-Oxford Union, il-President Myriam Spiteri Debono tkellmet dwar il-paċi fid-dawl tas-sitwazzjoni internazzjonali attwali.
Dwar din it-tema, hi tat ħarsa politiko-storika u fissret li l-kunflitti bl-armi, jiġifieri gwerer li għadhom magħna, qegħdin ikunu karatterizzati minn atroċitajiet fil-konfront tan-nies ċivili, fosthom nisa, tfal u anzjani, intiżi biex ikissru l-pajjiż u l-poplu mill-qiegħ.
F’dan l-isfond, il-President Spiteri Debono aċċennat għall-importanza tad-djalogu fuq livell internazzjonali, biex id-dinja mill-ġdid tesperjenza l-armonija, u twarrab il-gwerer u l-kunflitt.
Il-President tat importanza lill-istatus tal-individwu fuq livell nazzjonali u internazzjonali, u rreferiet għall-Open Forum Partnership u l-Warsaw Human Dimension Conference, taħt l-awspiċi tal-OSCE, li jagħtu importanza liċ-ċittadin u s-soċjetà ċivili u jirrikonoxxu lill-individwu fl-isfera internazzjonali.
F’dan l-isfond aċċennat ukoll li ċ-ċittadini madwar id-dinja jkollhom aċċess għad-drittijiet bażiċi, provvista adegwata ta’ ikel u mediċina, kif ukoll edukazzjoni. Il-President tat importanza għat-trawwim ta’ mexxejja ta’ għada mogħnija bil-kwalitajiet ta’ mexxejja tajba.
Il-President għamlet il-punt li huwa kruċjali li l-ebda pajjiż ma jidhirlu li bl-użu tal-forza jibdel il-konfigurazzjoni tal-fruntieri ta’ stat ieħor.
Matul iż-żjara tagħha għand l-Oxford Union Society, il-President wieġbet ukoll il-mistoqsijiet tal-istudenti membri tal-Oxford Union, li ffukaw fuq diversi suġġetti attwali fosthom ir-rwol ta’ Malta bħala pajjiż newtrali, fl-isfond tal-kunflitti internazzjonali, kif ukoll is-saltna tad-dritt u l-libertà tal-espressjoni, fost oħrajn.
Qabel id-diskors tagħha, il-President Spiteri Debono ltaqgħet mat-tmexxija tal-Oxford Union, u żaret il-bini tal-għaqda, fosthom il-libreriji storiċi tagħha. Għal din iż-żjara, il-President kienet akkumpanjata minn żewġha Dr Anthony Spiteri Debono, uffiċjali tal-Uffiċċju tal-President kif ukoll il-Kummissarju Għoli ta’ Malta għar-Renju Unit, Stephen Montefort.
Iż-żjara fl-Oxford Union ġabet fi tmiemha ż-żjara tal-President Myriam Spiteri Debono fir-Renju Unit. Il-President irritornat Malta fil-lejl ta’ bejn l-Erbgħa u l-Ħamis.