Jitlesta r-restawr tal-kwadri tal-Via Sagra fil-Knisja tal-Kapuċċini, fil-Kalkara

Il-Fondazzjoni Kottonera għadha kif lestiet ir-restawr ta’ 14-il kwadru tal-Via Sagra fil-Knisja tal-Kapuċċini fil-Kalkara

Il-Fondazzjoni Kottonera għadha kif lestiet ir-restawr ta’ 14-il kwadru tal-Via Sagra fil-Knisja tal-Kapuċċini fil-Kalkara. Dan tħabbar waqt żjara mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli u ċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kottonera Joe Mizzi.

Ġie spjegat li permezz ta’ professjonisti b’ħiliet u esperjenza vasta f’dan il-qasam, dawn il-kwadri, li maż-żmien beda jintilef id-dettal tagħhom, ġew restawrati b’attenzjoni kbira u rritornati għall-glorja oriġinali tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li dan ir-restawr kien possibbli permezz tal-appoġġ u l-għajnuna finanzjarja tal-Fondazzjoni Kottonera. Hija qalet li l-gvern jinsab kommess li permezz ta’ din il-Fondazzjoni jibqa’ jkun ta’ spalla mal-kunsilli lokali ta’ dawk l-inħawi sabiex isiru proġetti kulturali ta’ dan it-tip.

“Dawn it-tip ta’ proġetti  huma importanti fil-komunitajiet tagħna u juru biċ-ċar l-impenn tal-Gvern li jkompli jżomm ħaj il-wirt kulturali u reliġjuż ta’ pajjiżna. Permezz ta’ dan il-proġett qed inżommu ħaj it-tradizzjonijiet Maltin, filwaqt li nkomplu nsaħħu l-valuri nsara,” qalet is-segretarju parlamentari. Hija temmet tgħid li l-konservazzjoni tal-wirt storiku huwa importanti ferm sabiex jibqa’ jitgawda mill-ġenerazzjonijiet li ġejjin, u għaldaqstant kommessi li jkomplu jħarsu l-wirt storiku ta’ pajjiżna.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kottonera Joe Mizzi qal li fis-snin li ilha mwaqqfa l-Fondazzjoni għamlet diversi proġetti ta’ dan it-tip madwar il-Kottonera, sabiex jiġi ssalvagwardjat il-wirt li dawn l-ibliet għandhom. Is-Sur Mizzi kompla li parti mill-istrateġija tal-Fondazzjoni hija li żżomm ir-rikkezzi u l-kultura ħajja u biex dawn jitgawdew aktar min-nies.  Sostna li l-Fondazzjoni kommessa li tkompli tgħin kemm tista’ biex dawn ir-rikkezzi ma jintilfux.

Il-Patri Gwardjan tal-Knisja Miguel Zammit irringrazzja lill-Fondazzjoni Kottonera talli bis-sostenn tagħha qegħdin iżommu dan il-wirt kulturali u reliġjuż ħaj.

More in Politika