Il-Birgu Regatta Club ressaq applikazzjoni biex jirregolarizza żewġ kiosks mibnija illegalment, magħrufa bħala il-Kajjik, kif ukoll biex jitqiegħdu siġġijiet u mejda ħdejhom.
Il-gazzetta oħt, MaltaToday tirraporta kif, il-kiosks, li ilhom joperaw mill-2023, jinsabu fuq art ta’ 62 metru kwadru bejn il-club tar-regatta u parkeġġ. Dawn huma mgħottija minn struttura ta' tinda li kienet sanzjonata fl-2024 permezz ta’ Development Notification Order wara applikazzjoni mressqa mill-kunsill lokali.
Fl-applikazzjoni tiegħu, il-club iddikjara li ma jippossjedix l-art imma għandu l-kunsens tas-sidien, filwaqt li sostna li din mhijiex proprjetà tal-gvern. Wieħed mill-kiosks huwa klassifikat bħala stabbiliment tal-ikel fejn jitħalla jsir it-tisjir, filwaqt li l-ieħor huwa stabbiliment fejn it-tisjir mhuwiex permess.
Ir-ritratti bis-satellita juru li dawn il-kiosks ma kinux jeżistu fl-2018 iżda kienu viżibbli fl-immaġnijiet meħuda fl-2024.
Fl-istess waqt, il-Kunsill Lokali tal-Birgu ressaq applikazzjoni biex jirregolarizza tibdil żgħir fil-faċċata tal-club tar-regatta, li dan ġie approvat mid-design panel tal-Awtorità tal-Ippjanar.
L-istorja tirrepeti ruħha, hekk kif fl-2019 il-gvern ipprova japplika biex jinbena ristorant fuq il-Birgu Regatta Club, iżda l-Awtorità tas-Superintendendenza tal-Wirt Kulturali kienet oġġezzjonat minħabba l-impatt negattiv fuq is-swar. Din l-applikazzjoni kienet ġiet miċħuda mill-Kummissjoni tal-Ippjanar fl-2020.