Il-Prim Ministru jitlob aċċess iżjed ugwali għall-mediċina waqt is-Summit tal-Kunsill Ewropej

Robert Abela jgħid li l-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta m’għandix tkun ta’ żvantaġġ għaċ-ċittadini Maltin

Il-Prim Ministru Robert Abela wara s-Summit (Ritratt: DOI)
Il-Prim Ministru Robert Abela wara s-Summit (Ritratt: DOI)

Il-Prim Ministru Robert Abela talab assigurazjoni għal aċċess ugwali għal prodotti essenzjali, inkluż il-mediċina, fis-suq uniku tal-Unjoni Ewropea.

Abela tkellem fis-Summit tal-Kunsill Ewropej fi Brussell, fejn hu qal li l-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta m’għandix tkun ta’ żvantaġġ għall-Maltin meta tiġi f’rigward ta’ trattamenti mediċi. 

“Ma nistawx nħallu pazjenti Maltin isoffru minħabba sempliċiment il-post fejn jinsab pajjiżna,” qal Robert Abela, jagħmel enfassi fuq l-isfidi kbar li taffaċja Malta sabiex takwist oġġetti mediċinali minħabba kif inhu maqsum is-suq, xi ħaġa li hi permessa bil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE rigward affarijiet farmaċewtiċi.

Huwa ħeġġeġ lill-mexxejja Ewropej sabiex jgħinu fit-tfiċċija ta’ soluzzjoni permanenti għal din il-problema, waqt li jfakkar li l-Kummissjoni Ewropea diġa’ rrikonoxxiet kemm hi gravi din il-problema.

Waqt is-Summit ġie diskuss ukoll il-kompetitivita’ tal-UE, bil-Prim Ministru jitkellem fuq il-ħtieġa ta’ konnessjonijiet aħjar bejn l-istati membri.

Huwa sosstna li konnessjoni aħjar twassal għall-iżjed ugwaljanza fis-suq uniku, speċjalment ma’ pajjiżi li jinstabu fit-tarf bħal Malta.

“Malta ħa tkompli taħdem b’mod persistent favur il-paċi,” jgħid Abela

Id-diskussjonijiet iffukaw ukoll fuq l-iżviluppi li saru riċentament fl-Ukrajna u l-istrateġija tad-difiża tal-UE. Abela reġa kkonferma l-pożizzjoni ta’ Malta billi qal li l-pajjiż ħa jżomm mal-politika tan-newtralita’ u mhux ħa jipparteċipa fil-pjan ta’ difiża tal-UE sabiex jinxtraw iżjed armamenti. Minflok, Malta ħa tkompli tiġġieled għal djalogu u toffri appoġġ sabiex isseħħu taħdidiet għall-paċi.

“Irridu naħdmu flimkien għal ftehim fuq il-waqfien tal-isparar permanenti,” qal Abela waqt li żied li kull ftehim irrid jirrespeta s-sovrenita’, indipendenza u integrita’ tal-Ukraina. Madanakollu, hu sosstna l-importanza li tittieħed azzjoni pragmatika b’kompromess u negozjati bil-partiċipazzjoni tal-Ukraina, ir-Russja, l-UE, u l-Istati Uniti.

Waqt is-Summit kien hemm preżenti wkoll is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti António Guterres li tkellem ma’ mexxejja Ewropej rigward is-sitwazzjoni kurrenti fil-Lvant Nofsani. Kien hawn fejn Abela kkonferma l-impenn ta’ Malta sabiex tiġġieled f’isem il-paċi f’kull kunflitt mondjali, inkluż dak f’Gaża.

“Il-konsistenza, bil-liġi internazzjonali bħala gwida, hija kruċjali sabiex nilħqu twaqqif mill-isparar b’mod permanenti. Kif aħna qed nagħmlu mal-Ukraina, Malta ħa tkompli b’mod persistent favur il-paċi,” qal Abela.

More in Politika