Il-fundazzjoni aditus takkuża lil Robert Abela b''injoranza xokkanti'

"Il-Prim Ministru għandu bżonn jirrevedi n-noti tiegħu tal-liġi. Ħadd m'għandu jagħmel xejn biex “jimmerita” d-drittijiet tal-bniedem"

Il-fundazzjoni aditus qed takkuża lill-Prim Ministru ta' Malta Robert Abela b'"injoranza xokkanti" wara li stqarr li d-drittijiet tal-bniedem jeżistu biss għal dawk li "jixirqilhom."

"Huwa verament ta’ tħassib u imbarazzanti li l-President li jmiss tal-Kunsill tal-Ewropa jagħżel li iħaddan il-popoliżmu, l-esklużjoni, u l-injoranza totali minflok il-valuri fundamentali li dan l-istituzzjoni tirrappreżenta," qalet il-fundazzjoni. "Ninsabu mħassbin li l-Prim Ministru jidher aktar interessat li jikkuntenta lil sħabu faxxisti li jmexxu stati Ewropej oħrajn, milli jikkonferma kemm Malta hi assolutament kommessa fejn jidħlu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem għal kulħadd."

Il-fundazzjoni qed tirreferi għall-kummenti riċenti li għamel Abela, fejn qal li n-nies mhumiex sikuri f'pajjiżhom għax l-istandard legali ta’ dak li nsejħu "sikurezza" huwa għoli wisq.

Is-soluzzjoni li qed joffri Abela, qalet l-aditus, hi li jagħlaq għajnejh għall-persekuzzjoni organizzata mill-Istat, il-gwerer, id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali mifruxa.

F'reazzjoni għall-kummenti tal-mexxej ta' Malta, d-direttur tal-aditus, Neil Falzon, qal li, "il-Prim Ministru għandu bżonn jirrevedi n-noti tiegħu tal-liġi. Kieku jiftakar li l-bnedmin kollha jitwieldu ugwali fejn jidħlu d-dinjità u d-drittijiet tagħhom. Ħadd m'għandu jagħmel xejn biex “jimmerita” d-drittijiet tal-bniedem."

Barra minn hekk, kompliet tgħid l-għaqda ċivili, l-ebda stat m'għandu l-jedd li jiddetta min huwa u min mhuwiex intitolat għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. L-istati għandhom ir-responsabbiltà li jirrispettaw u jipproteġu d-drittijiet ta’ kull persuna li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħhom, huma min huma.

Il-fundazzjoni għamlet referenza wkoll għas-sentenzi riċenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fejn qalet li s-sistema ġudizzjarja Maltija tfalli lil niesha stess. Dan għaliex, f’diversi każi, ma rnexxilhiex tħares b’mod adegwat l-aktar drittijiet fundamentali bażiċi.

Fil-fatt, minn dawn is-sentenzi joħroġ ukoll li Malta ttrattat nies estremament vulnerabbli, fosthom tfal, b’mod li f’xi każi kien inuman u degradanti.

L-għaqda ċivili kompliet billi esprimiet ix-xewqa tagħha li l-presidenza ta' Malta fil-Kunsill tal-Ewropa twassal għal bidla. Fil-fatt, stqarret, "kellna t-tama li l-presidenza li ġejja ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa tkun simbolu ta’ tama f’dawn iż-żminijiet mudlama. Kellna l-ħerqa li naraw lil Malta tmexxi ‘l quddiem id-drittijiet tal-komunità LGBTIQ+ madwar il-kontinent. Ħeġġiġna lil Malta biex tindirizza d-demokraziji li qed jiddgħajfu billi tappoġġja s-soċjetà ċivili b’vuċi aktar b’saħħitha. Appellajna biex Malta tqiegħed fuq l-aġenda tagħha d-drittijiet tal-aktar nies vulnerabbli."

Barra minn hekk, qalet ukoll li jittamaw li l-kummenti tal-mexxej ta' Malta huma biss biss retorika vojta u li ma jwasslu għall-ebda azzjoni. Dan għaliex il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem m'għandha qatt tinbidel hekk kif din tħares lil kulħadd, speċjalment lill-aktar persuni emarġinati u vulnerabbli.

"Malta għandha tuża l-presidenza tagħha fil-Kunsill tal-Ewropa biex issaħħaħ ir-rispett lejn dan l-istrument tant importanti, mhux biex teqirdu dan kollu biex tikkuntenta aġenda populista u perikoluża," temmet il-fundazzjoni.

More in Politika