Minn Ħakma Ingliża sal-Ħelsien
L-Istorja ta’ kif Malta spiċċat ħielsa

minn Ilenia Debono

L-Ingliżi ħadu lil Malta f’idejhom fil-5 ta’ Settembru tal-1800 fejn il-Franċiżi ċedew lill-Ingliżi formalment. F’iżjed minn seklu, Malta u l-Maltin raw ħafna ostakli fil-ġlieda għall-ħelsien, speċjalment b’qasma bejn il-Maltin stess fuq bosta kwistjonijiet bħal-lingwa u l-integrazzjoni mal-Imperu Ingliż.
Malta saret kolonja Ingliża b’mod uffiċjali fl-1813, meta l-Ingliżi tawna l-ewwel kostituzzjoni miktuba. Din kienet fjakka bħala kostituzzjoni, kemm affermat il-pożizzjoni ta’ Malta bħala kolonja u ħatret Gvernatur f’Malta, li kien Thomas Maitland.
Matul is-snin, il-Maltin baqgħu jiġġieldu għal kostituzzjonijiet aħjar b’iżjed rappreżentanza eletta Maltija u kontroll fuq affarijiet lokali. Fl-1878, l-Imperu Ingliż iddeċieda li jibda l-proċess sabiex jagħmel lil Malta iżjed viċin l-Ingliżi milli lejn it-Taljani, u dan il-proċess tnieda mill-aspett tal-lingwa.
Hekk kif il-kuruna Ingliża ddeċidiet li l-Ingliż jintuża fl-edukazzjoni, u l-amministrazzjoni u l-qrati għandhom jieħdu prijorità iżjed bit-Taljan, il-poplu Malti beda jinqasam u jiġġieled ma’ ħutu minflok mal-ħakkiema. Kienet il-kwistjoni tal-lingwa fejn għall-ewwel darba Malta rat il-partiti politiċi.
Sigismondo Savona, uffiċjal tal-militar irtirat li studja bħala għalliem l-Ingilterra, kien minn tal-ewwel li qabel mar-riformi Ingliżi u kien hu li mexxa l-Partit Riformista. Dan il-Partit kien magħmul minn nies li saru sinjuri żgħar bis-saħħa tal-Ingliżi, bħal nies li jaħdmu fil-portijiet, u kien jemmen li l-Ingliż huwa utli iżjed mit-Taljan sabiex il-Maltin jimxu ’l quddiem.
Fuq in-naħa l-oħra kien hemm Fortunato Mizzi, avukat Għawdxi li studja l-Italja u żżewweġ Taljana. Bla dubju, dan kien iżjed jaffilja ruħu mal-kultura u l-lingwa Taljana. Mizzi dawwar il-kwistjoni tal-lingwa f’waħda politika, hekk kif hu wera li jekk it-Taljan jiġi abbandunat, Malta ssir iddominata totalment mill-Ingliżi u b’hekk joħonqu l-libertajiet tal-Maltin. Huwa, flimkien mal-partit tiegħu Partito Anti-Riformista, uża t-Taljan sabiex jiġġieled għall-emanċipazzjoni kostituzzjonali.
Wara iżjed minn 100 sena ta’ petizzjonijiet u dimostrazzjonijiet, fejn erba’ min-nies kellhom jitilfu ħajjithom fl-irvelli tas-Sette Giugno, il-Maltin ingħataw l-ewwel self-government. Din kienet kisba importanti għal Malta, avolja din il-kostituzzjoni waqgħet fl-1949.
Is-seklu 20 kien wieħed kiefer għall-Ewropa kollha b’żewġ gwerer. Malta kellha rwol prominenti, avolja indirett, fiż-żewġ gwerer bħala kolonja Ingliża. Fl-Ewwel Gwerra Dinija, Malta ngħatat it-titlu tal-Infermiera tal-Mediterran hekk kif laqgħet suldati feruti u morda mill-gwerra f’postijiet bħal Fort Chambray u Bighi. Malta kellha rwol iżjed attiv fit-Tieni Gwerra Dinija, li riżultat t’hekk irċeviet il-George Cross mingħand ir-Re Ġorġ 6, li llum jinstab fuq il-bandiera Maltija.
Il-Malta Labour Party, taħt it-tmexxija ta’ Duminku Mintoff, kellu aġenda li ried jintegra lil Malta fir-Renju Unit bħall-Iskozja, l-unika kolonja li wasslet daqshekk viċin għal dan. Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista ried li Malta ssir dominju tar-Renju Unit, bħall-Kanada. Din il-kwistjoni damet għaddejja mill-1955 sal-1958, fejn il-Prim Ministru Mintoff waqqaf il-ftehim tal-integrazzjoni li kien qed jitfassal, hekk kif hu qal li l-Gvern Ingliż ma żammx mal-wegħdi li għamel lill-poplu Malti sabiex jonqos il-qgħad, fost oħrajn.
Ġorġ Borg Olivier, il-Prim Ministru ta’ Malta Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien, għamel talba uffiċjali fl-1962 sabiex Malta issir indipendenti. Imbagħad, Malta ngħatat l-indipendenza fil-21 ta’ Settembru tal-1964 fejn saret demokrazija parlamentari bir-Reġina Eliżabetta II bħala s-sovrana ta’ Malta bi gvernatur jaħdem f’isimha u l-Prim Ministru jieħu ħsieb affarijiet lokali.
Kien fit-13 ta’ Diċembru tal-1974 fejn ir-Reġina ma baqgħetx is-sovrana ta’ Malta, u nħatar l-ewwel President ta’ Malta, Sir Anthony Mamo u b’hekk Malta saret Repubblika.
L-aħħar truppi Ingliżi telqu minn Malta fil-31 ta’ Marzu tal-1979 hekk kif il-bażi militari Ingliża ngħalqet. Il-Prim Ministru Duminku Mintoff, flimkien mas-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, ikkommemoraw dan l-avveniment storiku fejn għall-ewwel darba ma kien hawn l-ebda bażi militari barranija f’Malta billi xegħel it-torċa tal-ħelsien fuq il-monument tal-Ħelsien.
Il-bandiera Maltija telgħet minflok dik Ingliża mad-daqq tal-Innu Malti u għajjat ta’ ferħ tal-Maltin ħielsa.

