Il-fondi totali allokati għat-taħriġ tal-Forzi Armati ta’ Malti (FAM) fl-2024 kienu ta’ €1.8 miljuni, skont informazzjoni li ħarġet mill-Parlament.
Din l-informazzjoni ttieħdet minn mistoqsija parlamentari magħmula lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri mill-Membru Parlamentari Davina Sammut Hili, fejn staqsiet lill-Ministru biex jagħti rendikont tal-fondi allokati għat-taħriġ tal-FAM mill-2010 sal-2024.
Għalkemm mit-tweġiba ħareġ li s-sena 2024 rat l-akbar ammont ta’ fondi ddedikati għat-taħriġ tas-suldati, u fl-istess ħin, il-Ministru qal li l-investiment fit-taħriġ “juri kemm bħala Gvern qegħdin ninvestu f’Korpi Dixxiplinati dejjem aktar imħarrġa,” wieħed irid jistaqsi jekk dan huwiex minnu.
€1.8 miljuni għal ftit inqas minn elfejn suldat?
Minn informazzjoni meħuda minn mistoqsija parlamentari oħra magħmula lill-istess Ministru mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Darren Carabott, jidher li b’kollox hemm ftit inqas minn elfejn membru fil-FAM.
Il-figura li ta l-Ministru huwa ta’ 1,896 suldat — iżda diċ-ċifra hija n-numru totali ta’ suldati fl-2023, allura jaf in-numru attwali huwa kemxejn akbar minn hekk.
Iżda jekk nieħdu l-fondi allokati għall-2023, li kienu jammontaw għal €1.4 miljuni, u nqabbluhom man-numru ta’ suldati li ta l-Ministru, hekk jiġu li għal kull suldat hemm madwar €740 allokati.
Din hija figura pjuttost żgħira, speċjalment meta qed nikkunsidraw li dan huwa investiment fit-taħriġ ta’ min suppost jipproteġi lill-pajjiż.
Barra minn hekk, irridu naraw huwiex biżżejjed għall-bżonnijiet tas-suldati kollha, speċjalment jekk nikkunsidraw li hemm membri li ħa jkollhom bżonn iktar taħriġ minħabba kwistjonijiet ta’ speċjalizzazzjoni, inesperjenza, eċċ.
Jaf li is-sitwazzjoni tjiebet ftit biż-żieda ta’ €40,000 fis-sena fl-2024. Iżda anki jekk in-numru ta’ suldati baqa’ l-istess, din hija żieda ta’ madwar €200 għal kull suldat.