[L-ewwel parti] Koppja anzjana tinqatel fgata waqt serqa

Il-qtil brutali ta’ koppja anzjana minn Raħal Ġdid li seħħ nhar it-Tlieta, 11 ta’ Diċembru 1990, ħalla lil ħafna nies mhux biss ixxukjati minħabba l-qtil innifsu, iżda l-mod kif Ġużeppi Briffa ta’ 83 sena u martu Annie ta’ 82 sena nqatlu bl-aktar mod krudili.

Ġużeppi u Annie Briffa li nqatlu fir-residenza tagħhom f’Raħal Ġdid
Ġużeppi u Annie Briffa li nqatlu fir-residenza tagħhom f’Raħal Ġdid
Pulizija tal-Forensika u tad-Distrett flimkien ma’ qraba tal-koppja Briffa barra l-ħanut tal-vittmi
Pulizija tal-Forensika u tad-Distrett flimkien ma’ qraba tal-koppja Briffa barra l-ħanut tal-vittmi

Għalkemm l-investigaturi għandhom ħjiel tajjeb ta’ min kienu tnejn minn dawk li allegatament kienu involuti f’dan il-każ, qatt ma kellhom biżżejjed provi biex iressqu lil xi ħadd il-Qorti. Iż-żewġ suspettati llum huma mejtin, anzi nqatlu wkoll. Wieħed minnhom kien inqatel f’Lulju tal-1999 waqt ‘hold-up’ f’Bormla u ieħor fl-aħħar ta’ Mejju tas-sena l-oħra fil-Marsa.
Ġużeppi Briffa, minkejja l-età avvanzata li kellu, baqa’ jżomm ruħu attiv billi kompla bin-negozju żgħir li kellu f’ħanut tal-ħwejjeġ fi Triq Ħal Tarxien f’Raħal Ġdid. Il-koppja Briffa, li kienu jgħixu weħidhom, kellhom ir-residenza tagħhom fuq wara tal-ħanut tant li huma kienu jużaw bieb li kien hemm fi Triq it-Tarzna biex jidħlu u joħorġu.
Qraba tal-koppja kienu qalu li Briffa kien iżomm dan il-ħanut biex jgħaddi ż-żmien aktar milli biex jaqla’ x’jiekol minnu. Minkejja l-età kbira, Briffa kien għadu fuq tiegħu u kien jiflaħ dawk is-sigħat twal fil-ħanut.
Dan il-qtil kien seħħ fi żmien meta l-pajjiż kien għaddej minn mewġa ta’ serq u ‘hold-ups’ fuq l-anzjani li ħafna minnhom spiċċaw imsawtin brutalment u għaldaqstant kompla qajjem biża’ l-aktar fost l-anzjani.

Daħlu biex jisirqu u wettqu omiċidju doppju
Il-mottiv wara dan il-qtil brutali fuq il-koppja anzjana kien li l-ħallelin jisirqu eluf ta’ liri Maltin. Iżda l-ħallelin spiċċaw qattiela wkoll.
Ma kienx delitt ta’ bniedem waħdu tant li matul l-investigazzjonijiet kien hemm tliet persuni li l-Pulizija kellhom suspetti kbar fihom, għalkemm qatt ma kien eskluż li setgħu kienu anke erba’ persuni involuti f’dan ir-reat.
Il-kriminali daħlu flimkien fil-ħanut meta Briffa kien għadu ma għalaqx. L-anzjan inħasad mill-irġiel fejn tnejn minnhom kaxkruh fid-dar sakemm l-ieħor sakkar il-bieb tal-ħanut. Iżda dawn ħallew id-dawl mixgħul u x-shutter imtella’ meta Briffa kien dejjem iniżżel ix-shutter u jitfi d-dawl tal-ħanut meta jagħlaq filgħaxija.
X’aktarx li l-qattiela daħlu fuq l-anzjan ftit qabel is-7pm, minuti qabel ma għalaq il-ħanut bl-isem J.M. Briffa, biex ma jkunx hemm klijenti li setgħu jkunu ta’ xkiel.
Jekk l-anzjan kien għadu b’saħħtu, mhux l-istess seta’ jingħad għal martu Annie li saħħitha kienet xi ftit batuta tant li biex ma titlax it-taraġ uliedha kienu niżżlulha s-sodda isfel fejn kellhom ukoll il-kċina.
Kif il-kriminali daħħlu fil-ħanut ħatfu lil Ġużeppi u baqgħu sejrin bih fis-sular ta’ fuq fejn kien mhedded b’xi arma sakemm l-oħrajn baqgħu deħlin aktar ’il ġewwa fejn sabu lil martu Annie li kellha 82 sena li dak il-ħin kienet fil-kċina.
Annie qatt ma setgħet toffri reżistenza kemm minħabba li saħħitha ma kinitx tippermettilha, kif ukoll għax kienet maħsuda hekk kif sabet ma’ wiċċha rġiel li bdew jaggreduha.
Wara li l-anzjana sfat aggredita, il-qattiela rabtulha rasha kollha inkluż ħalqha b’tape kannella kif ukoll idejha. B’ħalqha u mniħirha miżdudin, il-mara ftit li xejn irreżistiet u tħalliet mitluqa għal mewt fl-art kiesħa.
Anke jekk l-anzjani bdew jgħajtu għall-ajjut, minn barra ma seta’ jinstema’ xejn. Persuna li tkellimt magħha fil-jiem li għaddew u li għadha toqgħod fl-istess triq sal-lum, qaltli li tiftakar li minħabba li kien żmien il-Milied kienu qegħdin jindaqqu l-kanzunetti tal-Milied minn fuq loudspeakers fit-toroq. Barra minn hekk ħafna nies kellhom it-twieqi magħluqin minħabba l-bard ta’ Diċembru u kien kważi impossibli biex tisma’ lil xi ħadd jitlob l-għajnuna.

Fittxew is-safe bil-flus
Biż-żewġ anzjani mheddin u tterrorizzati, il-qattiela bdew iqallbu kullimkien biex isibu x’jisirqu. Huma kienu jafu li l-koppja Briffa kellha l-flus u li dawn setgħu kienu moħbijin f’safe. Forsi li ma kinux jafu huwa fejn eżatt kien is-safe u kif kienu se jiftħuh. Il-qattiela qallbu kullimkien, iżda s-safe ma nstabx. Huma kaxkru lil Ġużeppi fis-sular ta’ fuq probabbli għax ħasbu li s-safe seta’ kien hemm.
Ġużeppi mhux biss kien mhedded li kienu se joqtluh, iżda anke li kienu se joqtlulu lil martu.
L-anzjan ma kellux għażla oħra ħlief li jċedi u jiftħilhom is-safe li kien jinsab taħt it-taraġ. Minn hemm il-ħallelin serqu madwar Lm40,000 (madwar €92,000) li 23 sena ilu kienet somma fenominali.
Minn hawn il-qattiela ma kellhomx bżonn aktar l-għajnuna tal-anzjan iżda ma setgħux jitilqu u jħalluh ħaj peress li dan żgur kien se jagħrafhom u jikxifhom mal-Pulizija. Għaldaqstant rabtuh ukoll bit-tape bl-istess mod kif rabtu lil Annie u tħalla fl-art fil-kamra tas-sodda fis-sular ta’ fuq.
Kien evidenti li l-qattiela riedu biss il-flus għax fid-dar il-koppja Briffa kellha diversi oġġetti antiki fosthom ornamenti li kienu ta’ valur. Iżda minn dan ma ntmiss xejn.
Biex ma tantx jagħtu fil-għajn, il-qattiela ħarbu mill-bieb tal-persjana li hemm fi Triq it-Tarzna u mhux mill-ħanut minn fejn daħlu li jinsab fit-triq prinċipali.
Il-koppja anzjana tħallew mitluqin fl-art jifgaw ftit ftit biex it-tnejn li huma mietu mewta kiefra.

Sejba tal-biża’
Kienet waħda mill-ġirien, ċerta Ċensina Rickett, l-ewwel ma daħlilha suspett li kien hemm xi ħaġa mhux f’postha kien l-għada filgħodu, it-Tnejn 12 ta’ Diċembru, meta għall-ħabta tas-7am innutat li l-bieb fi Triq it-Tarzna kien imbexxaq u marret tara jekk Annie kellhix bżonn xi ħaġa. Kif ittawlet rat li t-televiżjoni kien mixgħul u li kien hemm xi taqlib.
Hija nnotat ukoll li fil-ħanut kien għad hemm id-dawl mixgħul, xi ħaġa li Ġużeppi Briffa tul is-snin twal li kienu ilu f’dan in-negozju qatt ma ħalla d-dawl tal-ħanut mixgħul jew ix-shutter tal-ħadid imtella’ wara li jagħlaq.
B’suspett qawwi li l-koppja anzjana kien ġralhom xi ħaġa, il-mara informat lil John Briffa, wieħed minn ulied il-koppja. Peress li John ma kienx joqgħod ’il bogħod mir-residenza tal-ġenituri tiegħu, huwa wasal fi ftit minuti. Kif fetaħ il-bieb u daħal ġewwa sab ħerba sħiħa l-aktar fil-parti ta’ ħdejn it-taraġ, taħt it-taraġ kif ukoll taqlib f’kull kamra.
Persuni li kienu fil-qrib jistennew biex jaraw x’seta’ ġralhom l-anzjani, kif raw it-taqlib daħlu huma wkoll ma’ John. Iben il-vittmi kien jaf li ommu kienet torqod isfel fuq in-naħa ta’ wara tad-dar u għalhekk baqa’ sejjer dritt fejn kienet ommu.
Ix-xena li sab quddiemu kienet xokkanti. Ommu Annie kienet mixħuta mal-art fil-kċina marbuta minn saqajha u jdejha bit-tape kif ukoll imdawwar ma’ rasha.
Dawk li daħlu ma’ John ħeġġewh biex joħroġ ’il barra u jinfurmaw lill-Pulizija kif ukoll lil ħutu l-oħrajn. Meta l-Pulizija waslu fuq il-post u telgħu fuq sabu l-istess xena li kien hemm isfel. Ġużeppi wkoll instab marbut bħal martu u mitluq mejjet fl-art.
Fi ftit minuti bdew jaslu diversi uffiċjali għoljin tal-Pulizija kemm tad-Distrett kif ukoll mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali.

Il-ġimgħa d-dieħla
Fit-tieni parti ta’ dan l-omiċidju, li se tidher nhar il-Ħadd li ġej, se nkomplu b’aktar informazzjoni, fosthom kif Briffa kien diġà safa vittma drabi oħra, f’min kellhom suspetti l-Pulizija, x’ġara sentejn wara dan il-qtil fil-Bajja tal-Ġnejna, ritratt li seta’ tefa’ dawl fuq dan il-qtil, u evidenza li minħabba kundizzjonijiet fejn kienet qed tinżamm ma tatx riżultati mixtieqa u aktar.

Appell
Bħalma qed nagħmlu ma’ kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001.

More in Qrati u Pulizija