[L-ewwel parti] Peter Jones seta’ kien jaf xi ħaġa?

Jinqatel b’daqqiet ta’ mqass u sikkina 16-il sena ilu

 

Peter Jones
Peter Jones
Appartament numru 5, fejn seħħ il-qtil ta' Peter Jones
Appartament numru 5, fejn seħħ il-qtil ta' Peter Jones
Il-kadavru ta' Peter Jones
Il-kadavru ta' Peter Jones

Peter Jones, minn Tas-Sliema, kellu 58 sena meta nhar it-Tlieta, 6 ta’ Ottubru 1997 instab maqtul wara li xi ġirien kienu ilhom ma jarawh għal xi jiem.
Kien tard il-Ħamis, 9 ta’ Ottubru, tlitt ijiem wara li xi ħadd mill-ġirien ta’ Jones għamel kuntatt ma’ Malcolm Jones, in-neputi ta’ Peter, wara li zijuh kien ilu ma jidher mit-Tlieta ta’ qabel u li kien hemm riħa tinten li kienet ġejja mill-appartament.
Meta Malcolm wasal fuq il-post għall-ħabta tal-10pm huwa ħabbat il-bieb tal-appartament ta’ zijuh diversi drabi, iżda ma kienx hemm risposta u mill-ewwel ħaseb ħażin. Meta pprova jiftaħ biċ-ċavetta li kellu, din ma bdietx iddur. Għaldaqstant Malcolm tela’ fuq il-bejt u permezz ta’ sellum irnexxielu jinżel fit-terrazzin tal-appartament ta’ zijuh.
Kif daħal fl-appartament numru 5 sab ma’ wiċċu xena makabra. Peter Jones kien mitluq fuq is-sufan imneżża ħlief għal ħwejjeġ ta’ taħt, kalzetti u żarbuna waħda. Huwa kien mitluq minn tulu fuq is-sufan fuq il-ġenb tiegħu b’idu l-leminija mgħollija jgħatti wiċċu.
Id-dehra ta’ zijuh maqtul u r-riħa tinten li kien hemm fl-appartament kexkxu lil Malcolm li ħareġ jiġri u mar isejjaħ għall-ajjut.

Jgħid li kellu informazzjoni sensittiva
Seta’ Peter Jones inqatel għax kien jaf xi ħaġa dwar qtil terroristiku u qtil ieħor jew għax kellu xi argument ma’ persuni fl-appartament?
Il-qtil ta’ Jones huwa wieħed mill-aktar diffiċli għall-Pulizija u dan għax qatt ma kien eskluż li l-qattiela setgħu kienu barranin. Rapporti li Peter Jones kien ta’ theddida għal xi persuni minħabba li seta’ kien jaf xi ħaġa dwar il-qtil ta’ Fathi Shqaqi li kien seħħ fis-26 ta’ Ottubru 1995 f’Tas-Sliema, qatt ma kienu miċħudin, imma wkoll qatt ma kien hemm konferma ta’ dan.
Peter Jones kien allega li saħansitra kien mar kellem lill-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien, George Grech, dwar min seta’ kien involut fil-qtil ta’ Shqaqi, imma minn stħarriġ li għamilt dan l-aħħar jirriżulta li mkien ma hemm rapport li jindika li Jones kien għadda xi informazzjoni lill-Kummissarju tal-Pulizija.
Jones kien ukoll tkellem dwar qtil ieħor, dak ta’ Amer Hisham Ali Mohammed, li kien instab maqtul wara li safa ttorturat. Il-kadavru taż-żagħżugħ Libjan kien instab fil-ponta ta’ Tigné f’Awwissu 1996. Ali Mohammed kien magħruf li kien jagħmel parti minn grupp li kien kontra r-reġim tal-Kurunell Ghaddafi.
Dak iż-żmien il-Pulizija kienet temmen li ċertu diskors li kien għamel Jones fil-pubbliku dwar dawn il-qtil, seta’ wkoll kien il-mottiv biex ikun eliminat darba għal dejjem. Iżda, għalkemm il-Pulizija kienu jemmnu dan, min-naħa l-oħra kienu tal-fehma li fil-fatt Jones ma kienx jaf daqs kemm kien jgħid li jaf u seta’ kien biss li Jones qal xi kelma żejda.
L-investigaturi ma kellhom l-ebda dubju li Peter Jones kien jaf lill-qattiela tiegħu u kien hu stess li daħħalhom fl-appartament tiegħu fi Triq Amery f’Tas-Sliema. Dan ħareġ mill-fatt li l-qattiela daħlu mill-bieb prinċipali mingħajr ma kellhom għalfejn jisgassaw.
Il-qattiela kienu marru fl-appartament tiegħu x’aktarx tard waranofsinhar. Is-suspetti kienu li l-qattiela kienu ta’ nazzjonalità Għarbija u li Jones kien jafhom għax kien jikri appartamenti lil xi Għarab.
Peress li t-temp kien għadu sħun l-investigaturi kellhom informazzjoni li Jones u l-Għarab kienu dehru fit-terrazzin tiegħu fejn kien iżomm diversi pjanti jew telgħu fuq il-bejt għal ftit frisk.
L-orjentazzjoni sesswali ta’ Jones kienet magħrufa u spiss kien ikun fil-kumpanija ta’ xi rġiel u ġuvintur fosthom barranin l-aktar Libjani u Tuneżini.
B’hekk, li dakinhar tad-delitt li kien fil-kumpanija ta’ rġiel kienet xi ħaġa normali.
Kien ftit tal-ħin wara li Jones safa aggredit. Mhux magħruf jekk l-aggressjoni bdietx fuq il-bejt jew fit-terrazzin u wara tkaxkar fl-appartament jew jekk l-attakk sarx ġewwa. Ħaġa ċerta kienet li Jones qala’ xebgħa kbira fejn intuża oġġett iebes kif ukoll daqqiet ta’ ponn.
Titjir ta’ demm kemm qtar żgħir kif ukoll rqajja ta’ dmija kienu nstabu kważi mal-appartament kollu.
Jones ipprova jiddefendi lilu nnifsu imma l-aggressuri mhux biss kienu mill-inqas tlieta, imma kienu wkoll armati. Fil-fatt minn diversi marki tas-swaba’ li ġew elevati, l-Pulizija temmen li l-qattiela kienu żgur tlieta jekk mhux ukoll erba’.
Jones kien magħruf li kien bniedem mibni, b’saħħtu u kuraġġuż u li kieku seta’ kien jiddefendi ruħu, imma kontra tlieta jew erba’ min-nies ma kienx possibbli.
X’aktarx, muġugħ u ferut, Peter Jones intefa’ fuq is-sufan fejn wieħed mill-qattiela beda jagħtih b’imqass twil madwar 160mm. Kif Jones dar biex ma jkomplix jaqla’, kompliċi ieħor ħanxarlu għonqu b’sikkina. Stil tipiku ta’ qtil Għarbi li barra li tħanxar l-għonq waħda mill-armi tħalliet ukoll fuq il-post tad-delitt.

Ferita mad-dawra ta’ għonqu
Jones kellu ferita fonda f’għonqu min-naħa għal oħra kważi d-dawra kollha ta’ għonqu. Id-demm li tilef kien fi kwantità kbira tant li kważi demmu kollu ħareġ u nxtorob fil-cushions tas-sufan. Id-demm nifed il-cushions u ħareġ mill-qiegħ tas-sufan fejn taħt is-sufan il-Pulizija kienu sabu għadira demm.
L-imqass li ntuża fil-qtil nstab taħt il-kadavru ftit ’l isfel minn spalltu l-leminija u kien imċappas bid-demm. Iżda l-arma l-oħra, is-sikkina li biha ħanxrulu għonqu qatt ma nstabitx u dan x’aktarx minħabba li din kienet arma li nġiebet mill-qattiela u dawn ħaduha magħhom wara li ħarbu minn fuq il-post filwaqt li l-imqass kien ta’ Jones stess.
L-għan tal-qattiela kien speċifikament li joqtlu lil Jones u mhux serqa li marret ħażin. Jones kien magħruf li jżomm ammonti ta’ flus fuqu, iżda l-Pulizija la sabu taqlib u xejn ma kien insteraq mill-appartament.
Qtil simili seħħ erba’ xhur wara meta l-istilista tax-xagħar, Alfie Rizzo, kien instab ukoll maqtul fil-ħanut tiegħu fil-Gżira. Anke f’dan id-delitt kienu involuti żewġ Libjani. Iżda l-qtil ta’ Rizzo huwa solvut.

Kemm verament kien jaf Jones?
Setgħet kienet informazzjoni li Peter Jones kellu dwar id-delitt terroristiku ta’ Fathi Shqaqi f’Ottubru 1995 il-mottiv wara l-qtil tiegħu? U jekk verament kien dan il-mottiv, allura f’pajjiżna kellna qtil ieħor terroristiku fi spazju ta’ sentejn?
Wara l-qtil tal-Kap Islamiku Fathi Shqaqi, Peter Jones kien allega li prova kemm-il darba jkellem lill-Pulizija biex jgħaddilhom informazzjoni li wieħed mill-qattiela ta’ Shqaqi seta’ kien żagħżugħ Libjan li kien joqgħod f’wieħed mill-appartamenti tiegħu fi Triq Ġorġ Borg Olivier f’Tas-Sliema.
Wara l-qtil ta’ Fathi Shqaqi, iż-żagħżugħ Libjan ma kienx mar aktar fl-appartament, iżda Jones kien rah iħuf fl-inħawi ta’ Tas-Sliema anke ġimgħat wara li nqatel Shqaqi. Huwa mifhum ukoll li Jones anke għadda dan it-tagħrif meqjus bħala sensittiv ħafna lill-Pulizija għalkemm ma hemm ebda rekord li sar dan ir-rapport.
Min-naħa tiegħu, Jones ħass li dak li kien għadda lill-Pulizija ma kien sar xejn tant li kien anke avviċina eks-Ministru ta’ dak iż-żmien b’din l-informazzjoni u li skont Jones baqa’ ma sar xejn. Jidher li Jones kien ukoll ilmenta mill-fatt li minkejja li għadda din l-informazzjoni anke lill-eks-Ministru, xorta ħadd ma ta kasu.

Il-ġimgħa d-dieħla
Nhar il-Ħadd li ġej inkomplu bit-tieni parti ta’ dan il-każ. Naraw kif Peter Jones kien diġà safa aggredit minn barrani, l-arrest ta’ Tuneżin li x’aktarx kien ħarab minn Malta u ma deherx aktar, vann li elevaw il-Pulizija minn Tas-Sliema u x’feriti sofra Jones u aktar.

Appell
Bħalma qed nagħmlu ma’ kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001.

 

More in Qrati u Pulizija