Pjan biex joqtlu mara li allegat li tikxef kollox
It-tieni parti - Il-qtil doppju tal-koppja Briffa f’Raħal Ġdid
minn John Pisani
Fl-ewwel parti dwar il-qtil tal-koppja Ġużeppi u Annie Briffa ta’ 83 sena u 82 sena rispettivament li seħħ fit-12 ta’ Diċembru 1990, rajna l-mod kif inqatlu ż-żewġ anzjani u kif dan il-qtil kien sar biex twettqet serqa ta’ eluf ta’ liri Maltin.
Għalkemm l-investigaturi kellhom ħjiel tajjeb min setgħu kienu tnejn minn dawk li daħlu fuq il-koppja u allegatament wettqu dan id-delitt faħxi, il-Pulizija ma kellhomx dik il-prova suffiċjenti li setgħu jressqu lil xi ħadd il-Qorti. Dawn iż-żewġ suspettati nqatlu f’żewġ każijiet separati.
Kien diġà spiċċa vittma qabel
Ġużeppi Briffa kien magħruf li dak li kien iħoss kien jgħidu u għaldaqstant seta’ ma kienx popolari ma’ xi nies. Ma kien iżomm xejn fuq l-istonku tiegħu. Iżda persuni li tkellimt magħhom qaluli li l-anzjan kellu r-raġunijiet tiegħu.
Dawn is-sorsi qaluli li mhux l-ewwel darba li Briffa kien safa vittma ta’ ħallelin u anke aggredit fil-ħanut tiegħu. Darba minnhom kienu daħlu fuqu żewġ persuni ta’ nazzjonalità Għarbija u serquh.
Minħabba f’hekk Ġużeppi beda jirrifjuta li jaqdi lill-Għarab. F’serqa minnhom kienet itteħditlu ‘paper knife’ u Briffa ddeċieda li jwaħħal żewġ avviżi mal-vetrina tal-ħanut li kienu jgħidu: “Min seraqli l-‘paper knife’, tistraxxnah karozza. Din id-dagħwa tasal” u kellu ieħor li kien jgħid li ma jservix lill-Għarab.
Briffa kien poġġa dawn l-avviżi mhux għax kien bniedem razzist, imma sforz ir-rabja li kellu għax safa aggredit u misruq.
Attentat fil-Bajja tal-Ġnejna
Qtil ieħor li kellu jseħħ fil-Bajja tal-Ġnejna ftit inqas minn sentejn wara seta’ kellu konnessjoni mal-qtil tal-koppja Briffa.
F’Settembru 1992 il-Pulizija kienet infurmata li kien hemm pjan biex tinqatel mara minn Bormla li dak iż-żmien kellha 24 sena u li l-kadavru tagħha kellu jintrema f’qiegħ il-baħar marbut b’mażżra.
Dak iż-żmien żewġha kien qiegħed il-Ħabs ta’ Kordin fuq każ separat. Din il-koppja kellhom problemi bejniethom tant li kien ingħad li darba minnhom il-mara kienet bagħtet risposta ma’ ħabib ta’ żewġha, li jekk meta joħroġ mill-ħabs kien se jkompli jsawwatha, kienet se tikxfu mal-Pulizija dwar l-involviment tiegħu fil-qtil tal-koppja Briffa.
Ftit taż-żmien wara l-mara kienet mistiedna minn sieħeb żewġha biex tmur miegħu dawra fuq dingi fil-Bajja tal-Ġnejna. Il-mara, iżda, jew issuspettat xi ħaġa jew inkella xi ħadd qalilha li jekk tmur kienet se tispiċċa maqtula.
Għaldaqstant il-mara, li dakinhar kienet omm ta’ erbat itfal żgħar, informat b’kollox direttament lill-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien, Alfred Calleja. Il-Pulizija qalulha biex taċċetta l-istedina u tmur, iżda biex ma tgħid xejn lil ħadd.
Wara li kienet aċċertata li l-Pulizija kienu se jipproteġuha, il-mara aċċettat, iżda xorta waħda kienet qed tibża’ li tista’ tmur xi ħaġa ħażina.
Kien it-8 ta’ Settembru. Il-Pulizija marru fuq il-post ferm qabel sebaħ fejn qagħdu f’diversi postijiet strateġiċi madwar il-Bajja tal-Ġnejna kemm minn fuq l-art kif ukoll minn fuq il-baħar. Pulizija oħrajn ippożaw ta’ għawwiema biex ma jagħtux fil-għajn.
Intant ir-raġel, li dak iż-żmien kien suldat u baqa’ jġorr miegħu l-laqam “is-suldat”, ġabar lill-mara bil-karozza tiegħu u marru l-Ġnejna fejn waslu għall-ħabta tas-1pm.
Il-Pulizija jinkixfu innoċentament
Kif waslu fil-parkeġġ tal-bajja, “is-suldat” mar kellem lill-parker u qallu li jidher li kienet se tkun ġurnata kwieta. Iżda l-parker qallu li ma jaħsibx għax minn kmieni filgħodu kienu diġà marru l-Pulizija fejn x’aktarx kienu se jwaqqgħu xi kmamar illegali li kien hemm fl-inħawi.
Kif “is-suldat” sema’ hekk ma ħax ir-riskju u reġa’ daħal fil-karozza u qal lill-mara li kien reġa’ bdielu. Minn hemm huwa deher isuq b’veloċità eċċessiva, iżda l-Pulizija kienu diġà lesti u marru għal warajh.
L-istess Pulizija kellhom informazzjoni li r-raġel kien qed iġorr arma u għalhekk kif ħarab ħadu l-prekawzjonijiet kollha.
F’ħin minnhom bil-fixla bis-sewqan eċċessiv li kien qed isuq u bil-Pulizija jsuqu warajh, ħabat ma’ karozza oħra misjuqa minn turist u l-Pulizija ma kellhomx diffikultà jarrestawh.
Kif waqqfuh għamlu tfittxija fuqu kif ukoll fil-karozza għall-allegat arma li suppost kien qed iġorr. Iżda fil-karozza l-Pulizija kienu sabu diversi oġġetti fosthom boots waħda, iżda l-ebda sinjal ta’ xi arma. Minkejja t-tfittxija intensiva fl-inħawi l-Pulizija baqgħet qatt ma sabet xi tip ta’ arma.
Li kienu sabu kien id-dingi li allegatament kien se jintuża u fih kien hemm kantun b’toqba fih u katina marbuta miegħu li allegatament ukoll kienu se jintużaw bħala mażżra mal-kadavru tal-mara.
Minkejja s-suspetti ta’ dak li kien se jiġri, anke f’dan l-attentat il-Pulizija ma kellhom ebda prova konkreta biex setgħet twassalhom biex jieħdu l-każ il-Qorti.
Provi mitlufin?
Minkejja li f’dak l-istadju l-Pulizija kellha f’idejha kemm l-istqarrija tal-mara, li fiha allegat l-involviment ta’ żewġha fil-qtil brutali tal-koppja Briffa, kif ukoll ritratti li juri tnejn minn uliedhom fuq sodda mimlija karti ta’ Lm20, il-Pulizija ma setgħetx tressaq lil xi ħadd il-Qorti. Dan minħabba l-fatt li x-xhieda tal-mara kontra r-raġel tagħha stess ma kinitx ammissibli fil-Qorti u r-ritratt tat-tfal ma kienx prova biżżejjed li l-flus li jidhru fir-ritratt kienu nsterqu mingħand il-koppja Briffa.
Il-Pulizija kienu jafu b’ċertezza li la r-raġel u lanqas il-mara ma kienu rebħu xi lotterija biex seta’ kellhom dawk il-flus li kienu jidhru fir-ritratt. Iżda lanqas din il-prova ma kienet biżżejjed biex l-investigaturi jkollhom każ sod fil-Qorti.
Theddida ta’ bomba
Bħalma rajna l-Ħadd li għadda, Ġużeppi Briffa kien iħobb l-antikitajiet tant li fid-dar kellu bosta ornamenti u oġġetti antiki.
Ftit inqas minn sentejn wara l-qtil tal-koppja Briffa l-ulied kienu qabdu rkantatur biex ibigħu dawn l-oġġetti.
Oliver u John Briffa, tnejn minn ulied il-koppja, qaluli li tant kien hemm affarijiet li l-irkant ma setax isir f’sezzjoni waħda. Meta kien isir it-tieni parti tal-irkant, kienu marru l-Pulizija u waqfu kollox peress li kienu rċevew telefonata anonima li fid-dar kien hemm bomba.
Il-post kien ġie evakwat u wara li saret tfittxija intensiva mis-suldati tal-EOD u ma kien instab xejn, l-irkant tkompla.
Eżamijiet tad-DNA snin wara dan il-qtil
Il-Pulizija, dawk mill-Iskwadra tal-Omiċidji, minkejja li kienu qegħdin jgħaddu s-snin minn fuq dan il-każ xorta baqgħu jippruvaw isibu xi xaqq ta’ dawl biex dan l-omiċidju li għadu mhux solvut jingħalaq.
Sorsi qrib il-Pulizija qalulna li meta seħħ dan l-omiċidju fl-1990, l-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat kienu elevaw diversi marki kif ukoll kampjuni tad-demm kemm minn fuq il-vittmi, speċjalment minn fuq Ġużeppi Briffa li jidher li kien ipprova jissara mal-aggressuri, kif ukoll minn fuq xi għamara jew postijiet oħrajn fid-dar. Fost dawn kien hemm imħadda mċappsa bid-demm li meta kienu eżaminati kampjuni rriżulta li kienu tal-grupp “A”, l-istess tip ta’ demm tal-koppja Briffa. Għaldaqstant is-suspett kien li wieħed mill-qattiela kien uża din l-imħadda biex isodd ħalq Ġużeppi Briffa.
Madwar 15-il sena wara l-qtil tal-koppja Briffa, wieħed mill-esperti tal-Qorti reġa’ eżamina l-istess imħadda u rriżultalu li kien hemm traċċi oħrajn ta’ demm li kienu ta’ grupp “B”.
B’dan l-iżvilupp l-investigaturi ħasbu li kienu se jieħdu nifs ġdid. Peress li 23 sena ilu l-eżamijiet tad-DNA ma kinux bdew isiru, ma kienx possibbli għall-investigaturi biex jagħmlu analiżi tad-demm biex jitqabbel mingħajr ebda dubju. Għaldaqstant bix-xjenza aktar avvanzata saru eżamijiet tad-DNA. Sfortunatament għall-investigaturi sabu ntopp. Meta t-traċċi tad-demm u l-imħadda ttieħdu biex ikunu eżaminati ma kienx hemm riżultati pożittivi u dan minħabba li fejn kienu depożitati fil-Qorti din l-evidenza ma kinitx preservata tajba tant li l-post huwa wieħed umduż u l-umdità hija l-ikbar għadu u ma kienx possibbli li jitqabbel id-DNA.
Għalkemm demm ta’ grupp “B” mhux komuni ħafna, tant li 7% tal-popolazzjoni li għandhom dan it-tip ta’ demm, il-Pulizija ma tistax takkuża lil xi ħadd għax id-demm tiegħu huwa ta’ grupp “B” u llum iridu jkunu eżamijiet tad-DNA li huma provi mingħajr ebda dubju.
Appell
Bħalma qed nagħmlu ma’ kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numru 119 jew 21224001.