L-għan ta’ din il-bidla hu li t-taħriġ f’dan il-kulleġġ ikun fuq livell professjonali b’lecturers li jkunu full-timers u mhux parti mill-Korp tal-Pulizija.
Wara taħditiet li saru bejn il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, John Lewis li kien Kap Supretendent tal-Metropolitan Police ta’ Londra u kien anke jaħdem fi Scotland Yard, Charles Caruana Carabez li hu espert fil-qasam edukattiv u t-tmexxija tal-Akkademja attwali tal-Pulizija, ittieħdet id-deċiżjoni li l-kulleġġ ikollu bord iffurmat minn Chairperson, Deputy Chairperson, il-Kummissarju tal-Pulizija kif ukoll żewġ esperti fil-qasam. Se jkun hemm uffiċjal ieħor separat li jkun inkarigat mil-loġistika.
Il-Kulleġġ tal-Pulizija se jkollu baġit allokat għalih li hu separat mill-baġit li jkollu disponibbli l-Korp tal-Pulizija. B’mod statutorju se jiżdied it-taħriġ ma’ kulleġġi u istituzzjonijiet internazzjonali bħalma huma s-Cepol, l-Interpol, il-Frontex u l-Eurojust.
Il-Ministru Manuel Mallia qal li l-għan ta’ dan it-tibdil hu li t-taħriġ f’dan il-kulleġġ ikun wieħed ta’ livell professjonali li jkun rikonoxxut ukoll bħala kwalifika fis-sistema edukattiva. Dan hu l-pjan tal-Gvern biex jagħmel riforma ħolistika fil-Korp tal-Pulizija.