L-omm prostituta u bintha stuprata

mill-Qorti

Emanuel Schembri, ta’ 49 sena mill-Belt, inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li fl-2009, fil-Belt, ikkometta stupru fuq tifla ta’ tmien snin.

L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkuża u ċaħad ukoll li kkorrompa lit-tifla, li pparteċipa f’attivitajiet sesswali u li kiser il-pudur tagħha b’atti vjolenti indiċenti.

Il-Qorti semgħet kif dak iż-żmien, Schembri kien joħroġ ma’ omm it-tifla – li dak iż-żmien kienet prostituta. L-allegat stupru seħħ meta t-tifla kienet taħt il-kustodja tal-akkużat waqt li l-omm kienet qed tipprostitwixxi ruħha. 

Il-prosekuzzjoni mmexxija minn Spettur Sylvana Briffa qalet li fl-2009 l-akkużat u omm il-vittma kienu ġirien, u li llum il-ġurnata t-tifla qiegħda taħt care order.

Schembri għandu żewġ każijiet oħrajn pendenti dwar abbuż sesswali u li wkoll fihom huma involuti minorenni. 

L-Avukat tal-Għajnuna Legali Yana Micallef Stafrace għamlet talba għal-libertà proviżorja u li jkun hemm divjett fuq l-isem minħabba li wieħed jista’ jagħmel konnessjoni u jasal għall-persuna minorenni.

Min-naħa l-oħra, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Sylvana Briffa opponiet għad-divjett u qalet li r-relazzjoni bejn l-imputat u omm il-vittma ntemmet snin ilu. L-Ispettur qalet ukoll li l-akkużat m’għandux jingħata ħelsien mill-arrest għax din ma kinitx l-ewwel darba li ġie akkużat b’dan it-tip ta’ reat. 

Il-Maġistrat Anthony Vella laqa’ t-talba tal-prosekuzzjoni u ċaħad it-talba għad-divjett fuq l-isem, u ċaħad ukoll it-talba għall-ħelsien mill-arrest. L-imputat qiegħed jinżamm taħt arrest preventiv.

More in Qrati u Pulizija