
Koppja arrestata għax mexxew burdell
Mara ta' 60 sena u żewġ minn Tripli ta' 25 sena kienu qed imexxu burdell fil-Gżira

More in Qrati u Pulizija
Mara ta' 60 sena u żewġ minn Tripli ta' 25 sena kienu qed imexxu burdell fil-Gżira
Theresa Cutajar ta’ 60 sena u r-raġel tagħha Elmleti Mohamed Saad ta’ 25 sena minn Tripli ġew miżmuma taħt arrest preventiv wara li wieġbu mhux ħatja li mexxew burdell fi Triq Testaferrata f’Ta’ Xbiex.
Cutajar waqt is-seduta qalet li bħalissa qed tieħu ħsieb tifel ta’ 12-il sena li hi adottat wara li sabitu meta kellu biss xahar abbandunat fi Triq Testaferrata. Il-koppja ċaħdu li għexu mill-qliegħ tal-prostituzzjoni u li tlajjaw għal skop ta’ prostituzzjoni.
Fil-Qorti, l-Ispettur Jason Francis Sultana qal li l-Pulizija rċeviet rapport mingħand sid il-propjetà li l-persuni li qed jikru l-post tiegħu (l-akkużati) spiċċaw biex jużawh bħala burdell.
L-Ispettur qal li din l-allegazzjoni kienet ikkonfermata minn ċerta Spiridiona Cutajar, mara tad-dar ta’ 47 sena minn Ħal Safi li l-ġimgħa l-oħra ammettiet fil-Qorti li kienet qed tmexxi burdell u anke tħaddem in-nisa għal skop ta’ prostituzzjoni fi Triq Testaferrata. Intant, żewġ prostituti qalu li kienu jaħdmu hemm ukoll.
L-Ispettur qal ukoll li wara li l-Pulizija rċeviet ir-rapporti, saret tfittxija fid-dar tal-akkużati. Ġewwa nstab basket iswed u li fih kien hemm numru kbir ta’ kondoms, baby wipes u ħwejjeġ tan-nisa.
Fil-Qorti, l-Avukat Jason Azzopardi, li deher għall-akkużati, ma qabilx li l-klijenti tiegħu ġew arrestati – li matul is-seduta dehru jżommu jdejn xulxin, filwaqt li Theresa Cutajar bdiet tibki. L-Avukat tenna wkoll li m’hemm l-ebda biża’ li Saad kien se jaħrab minn Malta għax ħajtu kienet hawn.
L-Avukat Azzopardi qal ukoll li raġel magħruf sew mal-Pulizija u li hu involut fit-tmexxija ta’ ħafna briedel hedded lill-akkużati u dan ukoll għandu taħdem miegħu prostituta li mistennija tixhed kontrihom.
Fis-sottomissjonijiet għall-ħelsien mill-arrest, id-difiża spjegat li Theresa Cutajar għandha problemi ta’ saħħa u li bħalissa qed tieħu ħsieb tifel ta’ 12-il sena.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat u qalet li r-reat huwa serju u li minħabba li għad baqa’ numru ta’ xhieda pajżana fil-każ, mhux ġustifikabbli li l-akkużati jingħataw il-libertà proviżorja minħabba li jista’ jkun hemm xi intraċċ fil-provi tax-xhieda.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Marseann Farrugia laqgħet l-oġġezzjoni tal-prosekuzzjoni u ordnat sabiex l-akkużati jinżammu taħt arrest.
Intant fi tmiem is-seduta, Theresa Cutajar infaqgħet tibki wara li rrealizzat li kienet sejra l-ħabs.