Uffiċjal tas-sigurtà f’Mater Dei spiċċa bil-punti

mill-Qorti

Fera uffiċjal tal-parkeġġ f'Mater Dei waqt li kellu tfajla miegħu li kienet se twelled
Fera uffiċjal tal-parkeġġ f'Mater Dei waqt li kellu tfajla miegħu li kienet se twelled

Josef Friggieri, ta’ 30 sena minn Birżebbuġa, ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin wara li ammetta li tah daqqa ta’ ponn u fera uffiċjal tal-parkeġġ tal-Isptar Mater Dei.

Il-Qorti semgħet kif nhar l-Erbgħa għall-ħabta tad-9.30am, l-imputat wassal lit-tfajla tiegħu, li qiegħda tistenna tarbija, Mater Dei. Il-prosekuzzjoni, mmexxija minn Spettur Jason Francis Sultana, spjega kif hekk kif Friggieri wasal fil-parkeġġ, huwa ħalla l-vettura tiegħu pparkjata quddiem electrical fire panel. Malli ġie avviċinat minn Raymond Leonardi, uffiċjal tas-sigurtà li jidderieġi l-vetturi fil-parkeġġ tal-isptar, it-tnejn bdew jargumentaw.

Minn tagħrif li ġbarna l-qorti, jidher li ż-żewġt irġiel bdew joffendu lil xulxin, u l-imputat spiċċa jagħti daqqa ta’ ponn lill-vittma. Tabib tal-isptar iċċertifika li Leonardi sofra ġrieħi gravi f’xufftejh, tant hu hekk li kellu bżonn jagħmel il-punti. 

Min-naħa l-oħra d-difiża qalet li l-akkużat kien fi stat ta’ paniku minħabba li t-tfajla tiegħu qed tistenna tarbija. L-Avukat Jason Grima spjega kif l-inċident kien wieħed “sfortunat”, filwaqt li l-imputat talab skuża ta’ għemilu.

Friggieri ammetta għall-akkużi miġjuba kontrieh, li kkaġuna feriti gravi u li kiser l-ordni pubblika. Huwa ngħata ħelsien bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin u ġie ordnat li ma jersaqx lejn il-vittma. 

Il-pulizija mistennija tieħu passi wkoll kontra l-vittma.

More in Qrati u Pulizija