
Irid joqtol lis-suwed kollha
mill-qorti

More in Qrati u Pulizija
mill-qorti
Nicklas Roland Sturk, Svediż ta’ 43 sena residenti Pembroke, ġie kkundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li nstab ħati li inċita jew ħeġġeġ mibgħeda razzjali wara li hedded li “joqtol lil persuni suwed kollha.”
Il-Qorti semgħet kif fit-13 ta’ Ġunju li għadda fi Triq Mons. Mifsud f’Pembroke għall-ħabta tat-8am, l-imputat instema’ jinsulenta u jgħajjar ġar anzjan. Malli semgħu dawn, ġirien oħrajn, Peter u Christine Grima, ċemplu lill-Pulizija. Fix-xhieda tagħha, Christine Grima, qalet li sussegwentament, hi rat lill-Isvediż jinsulentaha u anke jaggredixxi persuna ta’ ġilda skura, Youre Ali, li kien qed jiġbor l-iskart.
“Kont qed ngħin lil Ali jġorr kaxxa sal-kantuniera tat-triq meta smajt lil Sturk jgħidli ‘You fucking Maltese bitch helping negroes,’ talli kont qed ngħin lil wieħed iswed. Beda jgħajjar lil Ali bħala negro u jien ma tajtx kasu.”
“Malli mxejt lura lejn dari, Sturk ġie fuqi jirrepeti l-istess kliem u f’mument minnhom tant resaq viċin tiegħi li kelli nimbuttah,” qalet Grima.
Hija tenniet kif wara li rritornat f’darha, irrealizzat li Ali kien imissu jiġbor iż-żibel ta’ dar Sturk u qalet li minħabba f’hekk ħarġet barra għax basret li ħa jiġri xi ħaġa oħra. Wara, qalet Grima, rat lil Sturk imur fuq Ali u wara li qabdu minn spalltu, imbuttah u waqqgħu mal-art.
Meta Ali telaq, l-akkużat beda jgħajjar lilha u l-Maltin bħala stupidi “talli qed iħallu lill-immigranti jmexxu l-pajjiż.” Xehdet ukoll, li wara kompla jirrepeti li se joqtol lis-suwed kollha.
Intant, fid-difiża tiegħu, Sturk ma ċaħadx l-episodju u l-insulti kif xehdet Grima iżda qal li mbotta lil Ali għax ħasbu li kien wieħed minn dawk li ftit tal-ġimgħat qabel aggredewh u ferewh u anke serqulu l-laptop tiegħu.
Il-Maġistrat Doreen Clarke qalet li l-Isvediż ipprova biss jiddefendi l-aġir tiegħu meta kien jaf li Ali ma kienx wieħed mill-aggressuri tiegħu. Il-Maġistrat Clarke sabet lill-imputat ħati li pprova jinċita mibgħeda razzjali u kkundannatu sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn.