
Soċju tal-MUSEUM u t-tifel ta’ 10 snin
mill-qorti

More in Qrati u Pulizija
mill-qorti
Soċju tal-MUSEUM, li jaħdem bħala Assistent Kap ta’ skola, ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li nhar il-Ħadd li għadda kkorrompa tifel ta’ għaxar snin waqt li kienu qed jgħumu fil-baħar taħt Splash & Fun f’Baħar iċ-Ċagħaq.
Dan is-soċju ġie mixli wkoll li ġab ruħu b’mod li ta fastidju lit-tifel u li offenda l-morali b’għemil li sar f’post pubbliku. Huwa ċaħad l-akkużi kollha.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Giovanni Grixti, semgħet kif nhar il-Ħadd li għadda waqt attività tal-MUSEUM, l-akkużat refa’ lit-tifel mill-baħar u f’ħin minnhom, dan tal-aħħar, ħaseb li kien se jmisslu l-parti ġenitali tiegħu. It-tifel qal ukoll li f’ħin minnhom, Callus żammu b’saqajh u ħakk il-parti tiegħu mal-warrani tat-tifel.
Min-naħa tagħha d-difiża, irrappreżentata mill-Avukat Arthur Azzopardi tenniet li huwa vera li Callus qabad it-tifel fil-baħar, però insistiet li dan għamlu biss biex jgħin lit-tifel.
“Iż-żewġ partijiet qed jaqblu fuq x’ġara fil-baħar: it-tifel kien qed jgħum f’baħar fond, u l-klijent tiegħi qabdu minn qaddu u refgħu mill-baħar. Id-differenza hi li t-tifel interpreta din bħala azzjoni li setgħet twassal għall-abbuż,” qalet id-difiża.
Intant, il-prosekuzzjoni, mmexxija mill-Ispettur Josric Mifsud, spjega kif il-ġenituri tat-tifel għamlu rapport lill-Pulizija wara li binhom qalilhom li Callus beda jerfgħu fl-ilma.
Fis-sottomissjonijiet għall-ħelsien mill-arrest, id-difiża qalet li m’hemmx biża’ ta’ intralċ ta’ provi peress li l-allegat vittma jgħix mal-ġenituri tiegħu. Id-difiża spjegat ukoll li minħabba dawn l-allegazzjonijiet miġjuba kontra Callus, huwa se jkollu jirriżenja mill-karigi tiegħu fil-MUSEUM u l-iskola. Il-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Giovanni Grixti ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest u żammet lil Anthony Callus taħt arrest preventiv.